Lokali Qorti

“Għadni nisma’ l-grillu tal-pistola jinġibed” – Surġent tal-Pulizija

Surġent tal-Pulizija li stazzjonat fir-Rapid Intervention Unit xehed fil-Qorti kif meta l-Pulizija marru biex ikellmu lil Albaniż li kien imfittex b’rabta mas-serqa fuq ġojjellerija f’Tigne’, dan ħebb għalihom, ħareġ pistola, ippuntaha fid-direzzjoni tagħhom u pprova jispara diversi drabi. Stqarr li “għadu jisma l-grillu jinġibed sal-ġurnata tal-lum.”

Is-Surġent Christopher Brincat ta x-xhieda tiegħu hekk kif quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Daniel Muka ta’ 22 sena li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ tliet Pulizija. Hu akkużat ukoll li attakka u rreżista l-arrest bi vjolenza u li ħebb għall-Pulizija. Akkużi oħra fil-konfront tiegħu jgħidu li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar u d-droga kokaina.

L-inċident seħħ fil-lejl ta bejn it-12 u t-13 ta’ Ottubru f’Paceville fejn Muka, li kien ma’ Albaniż ieħor, twaqqfu fuq suspett li setgħu kienu involuti fil-hold up tal-5 ta’ Ottubru fuq l-istabbiliment Diamonds International f’Tigne Point, Tas-Sliema.

Is-Surġent Brincat xehed li dakinhar tal-inċident, huwa kien qrib Baystreet meta Kuntistabbli talab għall-assistenza tiegħu wara li nnota persuna li kienet imfittxija b’rabta mas-serqa f’Tigne. Qal li Kuntistabbli ieħor li kien riekeb fl-istess vettura miegħu mar biex jassistih.

X’ħin dawn it-tnejn resqu lejn din il-persuna, li kienet qiegħda tixrob ma’ sieħbu fuq barra ta’ bar f’Paceville, l-akkużat kien mill-ewwel aggressiv fil-konfront tagħhom u ta daqqa ta’ ras lil wieħed minnhom. Spjega kif wara li għamel dan il-moviment qam bilwieqfa, daħħal idejh fuq wara biex minn hemm joħroġ il-pistola.

Is-Surġent Brincat qal li dak il-ħin huwa niżel mill-vettura u waqt li kien miexi lejhom, l-imputat deher joħroġ l-arma tan-nar. Qal ukoll li bl-id l-oħra, l-imputat ipprova joħroġ xi ħaġa mill-but iżda ma rnexxilux għax il-Pulizija waqqfuh.

“Minn hemmhekk inqalgħet kommossjoni bejnietna. Waqajna mal-art u ġejt b’irkupptejha qrib għonqu u bdejt inżomm idejn l-imputat li kienet qed iżzomm il-pistola. Dan beda jdawwar l-arma lejna u jiġbed il-grillu ripetutament. Hemmhekk intuża t-taser u l-imputat telaq il-pistola mal-art. Imbagħad arrestajnih,” kompla jispjega s-Surġent Brincat.

Waqt l-arrest ta’ Muka, is-Surġent dar lejh u staqsih x’kienet ir-raġuni li kellu arma tan-nar fuqu, b’tal-ewwel jgħidlu, “għax kont naf li kontu qed tfittxuni u ridt li nwaqqfu dan.”

Għall-mistoqsijiet li sarulu mid-Difiża dwar jekk l-imputat kellux xi demm fuq il-persuna tiegħu, ix-xhud stqarr li l-imputat kellu xi demm ma’ widnejh. Huwa rrimarka wkoll li l-persuna l-oħra li kienet miegħu ġiet arrestata wkoll iżda din ma għamlet l-ebda moviment li bih setgħet tipperikola ħajjet il-Pulizija. Ix-xhud żied isostni li “għadu sal-lum il-ġurnata jisma l-grillu jinġibed.”

Fis-seduta xehdu wkoll il-Kuntistabbli Adrian Zahra u l-Kuntistabbli Joseph Camilleri li rrakkontaw ix-xokk li kellhom fuqhom x’ħin semgħu il-grillu jfaqqa’. Il-Kuntistabbli Zahra qal li kif mar biex ikellmu, l-imputat qam bilwieqfa u beda jtih ġo sidru.

“Il-Kuntistabbli Camilleri pprova jaqbadlu jdejh iżda dan dawwar idejh fuq wara. Kien se joħroġ xi ħaġa għalina. Imbagħad ġie kollega ieħor fuq il-post biex jgħinna li beda jgħajjat “għandu arma, għandu arma.”

Min-naħa tiegħu, il-Kuntistabbli Camilleri spjega lill-Maġistrat kif l-arma nżammet ftit biss ‘il bogħod minn rasu meta faqqa’ l-grillu. “Ipprovajt naqbadlu l-arma imma baqa’ jżommha. Imbagħad ġie s-Surġent, għamiltlu t-taser u hemmhekk l-imputat telaq l-arma minn idejh. Meta konna mal-art, l-arma ippuntaha wkoll lejn saqajn is-Surġent.”

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-iSpetturi Mark Mercieca u Carlos Cordina. L-Avukati Noel Bianco u Jason Grima qed jidhru għall-imputat.