Lokali Parlament Qtil Politiku

Hemm min resaq għand il-pulizija b’informazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Michael Farrugia jgħid li l-pajjiż miexi tajjeb u għalhekk ma kinx fl-interess tal-gvern li jsir dan il-qtil

Il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia dalgħodu iddikjara li hemm min diġà resaq għand il-pulizija b’informazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u appella biex min għandu informazzjoni jersaq għand il-Pulizija.

Fil-parlament il-Ministru tal-Intern qal li meta irċieva t-telefonata li kienet inqatlet Daphne Caruana Galizia hu ordna li jsiru l-investigazzjonijiet kollha, li ma jkunx hemm limitu fuq il-budget fl-investigazzjonijiet u li jinġiebu l-esperti Olandiżi. Hu qal li kien iffaċilità t-telefonati kollha mal-pulizija minn barra biex jinġiebu l-persuni kollha li għandhom il-kapaċitajiet fl-investigazzjonijiet.

Il-Ministru Farrugia kompla li hu kien jistenna li kulħadd iqum u jingħaqad flimkien f’dan il-mument. Hu sostna li l-kriminalità naqset b’4% u jekk jinqata’ l-pick-pocketing dan il-persentaġġ jonqos b’ħafna iktar. Hu faħħar lill-pulizija li rnexxielha tkisser xibka ta’ pick pocketing. Il-pulizija qabdet rekord ta’ droga din is-sena iżda bla dubju jista’ jsir ferm iktar.

Hu qal li jappoġġa bis-sħiħ l-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Caruana Galizia u spjega li hu ma neħħa protezzjoni lil ħadd anzi ta l-protezzjoni lil min talbu. Jien se niddefendi lill-istituzzjonijiet u mhux ss niddejjaq nieħu passi jekk isir ħażin, sostna l-Ministru tal-Intern, li pparaguna lill-Prim Ministru mal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar kif trattaw il-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru tal-Intern tratta dak li sejjaħ attakk politiku fuq il-pulizija u fuq in-nies li vvotata lill-PL fejn qed jingħad li dawn huma persuni li vvutaw kontra l-interessi tal-pajjiż. Hu qal li l-pajjiż miexi tajjeb u għalhekk ma kinx fl-interess tal-gvern li jsir dan il-qtil.