Sport Sport Ieħor

IBBURDJAR – Is-Sibt tibda edizzjoni oħra tar-Rolex Middle Sea Race

Is-Sibt fil-Port il-Kbir jingħata bidu għal edizzjoni oħra tar-Rolex Middle Sea Race. Din se tkun proprju t-38 edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni prestiġjuża.

Ir-Rolex Middle Sea Race tibda u tispiċċa f’Malta, gżira ta’spiss imsejħa “Salib it-toroq tal-Mediterranean”. Ir- Rolex Middle Sea Race hi waħda mill-kompetizzjoni tal-ibburdjar offshore fuq livell internazzjonali ta’ distinzjoni.

Il-prova tinsab fin-numri. Ir-reġistrazzjonijiet għat-38 edizzjoni huma ta’ jottijiet li jirrappreżentaw 30 pajjiż min madwar id-dinja.

In-numru ta’ jottijiet mistenni li jkun wieħed li jaqbez il-110 jott.
Mhux sorpriża ir-rappreżentanza tal-Italja, fejn in-numru tal-kontinġent Taljan, hu għal darb’oħra l-ikbar bi 17 il-jott. Ta’ min jinnonta li tlieta minn ħames edizzjonijiet li għaddew raw jottijiet Taljani joħorġu rebbieħa. Għalkemm din is-sena iċ-ċhampion Mascalzone Latino mhux se jkun preżenti biex jiddefendi it-titlu li rebaħ is-sena l-oħra, wieħed isib Cookson 50 Taljan – Endlessgame fil-lista ta’ din is-sena b’pontenzjal ta’rebħa.

B’Mascalzone jieħu it-tieni u l-ewwel post f’dawn l-aħħar żewġ edizzjonijiet, wieħed jista’ jiġi skużat milli jaħseb li kwalunkwe Cookson 50 għandu ċans aħjar għal rebħa, speċjalment jekk it-temp ikun favorevoli. Endlessgame, li kien mgħaruf bħala Cippa Lippa qed jgħamel ritorn fit-tellieqa.

Cippa Lippa kien ħa t-tieni post fl-2016 u rebaħ il-kategorija ORC. Armat b’ekwipaġġ ġdid, il-jott wera l-kapaċità kontinwa tiegħu billi rebaħ ir-Rolex Giraglia Cup meta għadda lil Mascalzone Latino.

Minkejja riżultat tajjeb fil-Giraglia, sid Endlessgame Pietro Moschini jemmen li huma għandhom triq twila biex jiksbu l-aħjar mill-jott.

Din ser tkun l-ewwel parteċipazzjoni ta’ Moschini fir-Rolex Middle Sea Race. Wara l-Italja, huma ir-Renju Unit u r-Russja bl-ikbar rappreżentanza.

Hugo Boss ta’ Alex Thomson se jkun wieħed mill-aktar jottijiet b’profil għoli fil-kategorija ‘Double Handed’, filwaqt li DSS ta’ 46 pied ta’ Quentin Stewart, Maverick, tirritorna għat-tieni sena konsekuttiva. Maverick se jkun qed jittama għal kundizzjonijiet soddisfaċenti biex ittejjeb it-tielet post tas-sena l-oħra.

Il-kobor tal-kontinġent Russu hu l-konferma li l-popolarità ta’ din il-kompetizzjoni qed tikber fost il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant.

Din is-sena hemm jieħdu sehem jottijiet mir-Repubblika Ċeka, mill-Kroazja, mis-Slovakkja, mis-Serbja, mis-Slovenja, mill-Bulgarija, mill-Ungerija u mill-Ukrajna.

Il-korsa ta’ 606 mil nawtiku tikkonsisti f’dawra madwar Sqallija. Tellieqa mimlija tattiċi, il-kantunieri frekwenti jwasslu għal taqsimiet ġeografiċi differenti u li jesponu l-flotta għat-tibdil frekwenti fit-temp. B’ħafna mill-ekwipaġġi mistennija li jdumu mill-inqas ħames iljieli fuq il-baħar, din it-tellieqa hi sfida li tirrikejdi saħħa mentali qawwija, tħejjija eċċellenti, kif ukoll il-ħila li jittieħdu deċiżjonijiet preċiżi f’ambjent ta’ pressjoni.

Rekord diffiċli li jinkiser
Ir-rekord hu wieħed ferm diffiċli li jinkiser, kemm mil-lat ta ‘twaqqif ta’ rekords kif ukoll biex jintrebaħ it-titlu ġenerali bis-sistema tal-handicap IRC. Ir-rekord tar-Rolex Middle Sea Race ġie miksur f’ħames okkażjonijiet mill-edizzjoni inawgurali fl-1968. Ir-rekord attwali twaqqaf mill-jott Amerikan Rambler ta’ George David fl-2007.

Meta wieħed iħares lejn l-evoluzzjoni tal-ħinijiet reġistrati mid-dgħajjes matul is-snin, il-ħin ta’ Rambler ta’ 47 siegħa, 55 minuta kien ta’ kważi 100 siegħa aktar mgħaġġel minn dak stabbilit mill-ketch Stormvogel ta ’73 pied fl-ewwel tellieqa.

Id-90-pied Rambler kien ukoll l-aħħar jott li rebaħ iż-żewġ unuri – Line Honours u it-Trofew Rolex Middle Sea Race. Sa’issa ma kien l-ebda jott li rebaħ edizzjonijiet suċċessivi wara Nita IV fl-1979 u fl-1980, xhieda tan-natura kompetititva u diffiċli tat-tellieqa.

David jirritorna f’Malta din is-sena bil-Maxi jott, Rambler 88, b’tentattiv biex jikser ir-rekord tiegħu stess. David qed jimmira li jżid l-unuri tal-Rolex Middle Sea Race mat-trijonf riċenti tiegħu fil-Rolex Fastnet Race. Rambler 88 se jkollha tbaħħar fl-aqwa tagħha minħabba l-kwalità impressjonanti tal-jottijiet f’din il-kompetizzjoni.

Ta’ min isemmi il-Maxi Leopard ta ‘100 pied, li hu l-akbar yacht fil-flotta, kif ukoll il-Maxi CQS ta ‘Ludde Ingvall – dawn huma mistennija joħloqu sfida formidabbli flimkien maż-żewġ Maxi 72s, Proteus u l-Champion tad-Dinja tal-Maxi 72 Momo – dwell iebes bejn dawn it-tnejn huwa mistenni.

Kompetituri Maltin
Din is-sena sitt dgħajjes Maltin se jirrappreżentaw lil Malta.
L-ekwipaġġi Maltin huma kompetittivi u minn dejjem taw parteċipazzjoni rispettabbli fit-tellieqa. Malta pproduċiet rebbieħa f’seba’ okkażjonijiet, l-aktar riċenti fl-2014.

Elusive 2 tal-aħwa Podesta tkompli t-tradizzjoni ta’ parteċipazzjonijiet, fejn huma jkomplu fuq ir-rekord ta’ missierhom Arthur li ħa sehem f’kull tellieqa mill-1968 sa qabel ma miet fl-2015. Ir-rebbieħ tal-Klassi Double Handed Jamie Sammut jirritorna bis-Solaris One 42 Unica iżda din id-darba b’ekwipaġġ sħiħ, li jinkludi lil Christian Ripard, baħħar b’esperjenza kbira u rispettata ħafna.

Xpresso ta’ Sean Borg se jkun qed jippartecipa għat-tieni darba bl-Xp44, iżda ta min jgħid li l-ekwipaġġ kollettivament għandhom esperjenza ta’ ħdax il-tellieqa bejniethom. Xp 44 ieħor li mistenni jmur tajjeb huwa Xp-act, fejn Timmy Camilleri, li se jipparteċipa fl-erba u għoxrin tellieqa tiegħu , ser jinghaqad ma’ sid il-jott Josef Schultheis. Il-kompetitur regolari Jonathan Gambin b’Ton Ton Malta Charters, ser jghaqqad il-lista tal-ekwipaġġi ‘full crew’.

Otra Vez hi dgħajsa oħra b’assoċjazzjoni twila mat-tellieqa. Din is-sena il-J / 122 ser tkun f’idejn Sean Arrigo u Brian Flahive li se jtajru l-bandiera Maltija fil-Klassi Double Handed.