Il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia ma weġibx mistoqsija li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar jekk, wara l-konferenza tal-aħbarijiet li ta l-Kummissarju tal-Pulizija, għandux is-serħan il-moħħ li l-investigazzjonijiet qed issir b’mod serju.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia rrefera għal laqgħa li saret nhar it-Tnejn filgħaxija bejn rappreżentanti tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni dwar kif se jimxu l-investigazzjonijiet dwar dan il-qtil, u qal li, minħabba din il-laqgħa, ma jistax jitkellem.
Id-Deputat Glen Bedingfield staqsa jekk wasalx iż-żmien li l-Korp tal-Pulizija jkollu spokesperson li jindirizza Crime Conferences bil-Ministru jgħid li dan huwa l-għan tiegħu għall-Korp.
Il-Ministru qal ukoll li l-Crime Conference ma setgħetx issir mill-ewwel minħabba li kienu għadhom għaddejjin l-ewwel investigazzjonijiet.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma jarax għalfejn il-Ministru kellu jirreferi għal laqgħa li saret bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni nhar it-Tnejn filgħaxija. Adrian Delia reġa’ insista għal tweġiba mingħand il-Ministru Michael Farrugia dwar jekk għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija bil-Ministru jgħid li l-Gvern mhux se jiddejjaq jekk ikun hemm persuni li jixtiequ jsegwu l-proċess kollu tal-investigazzjoni.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li hu mhux jindaħal fl-investigazzjoni u l-uniku mod li għen kien billi assigura li jittieħdu l-passi kollha biex issir investigazzjoni dettaljata, mingħajr limitu ta’ spejjeż u li hu kkomunika mal-Gvernijiet barranin biex ikunu jistgħu jinġiebu investigaturi minn barra għall-investigazzjoni.
Huwa qal li kienet il-Pulizija Maltija li għamlet kuntatt mal-investigaturi barranin u r-rwol tal-Ministru kien biss li jiffaċilita li dawn l-investigaturi jinġiebu minn barra.
Kien biss wara t-tielet darba li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel l-istess domanda lill-Ministru tal-Intern dwar jekk għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija li l-Ministru qal li hu għandu fiduċja li l-Kummissarju jista’ jibqa’ jmexxi din l-investigazzjoni.
Madanakollu l-Ministru Michael Farrugia kkritika wkoll lil kull min juri nuqqas ta’ fiduċja fl-investigazzjoni għax qal li dan qiegħed biss ipaxxi lil min wettaq dan il-qtil.
//= $special ?>