Lokali Parlament

Il-parlament hu cover-up għall-kriminalità organizzata

– Edwin Vassallo, PN

Dan il-parlament hu cover-up għall-kriminalità organizzata fejn id-deputati huma pupazzi f’idejn min hu ikbar minnhom.

Dan sostnih id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo meta kien qed jitkellem fil-parlament. Edwin Vassallo qal li dan mhux il-mument ta’ suprlus fiskali iżda hawn deficit morali u sostna li l-gvern irid joqgħod attent li ma jkunx qed jiffinanzja biex jinqabdu l-kriminali iżda biex ikun hemm informazzjoni dwar min huma l-informers li kienu jagħtu l-informazzjoni lil Daphne.

Ikun x’ikun il-mottiv tal-qtil, dan jibqa’ qtil politiku u jibqa’ b’mottiv politiku għaliex fil-pajjiż l-kriminalità organizzta qed tgħolli rasha minkejja li suppost hawn gvern li mhux se jagħti kenn lill-kriminalità. Il-gvern qed jagħti kemm lin-nies li jwettqu l-kriminalità; li llum tagħmel parti minn dan il-gvern.

Edwin Vassallo semma l-bejgħ tal-passaporti u qal li l-pajjiż għadu ma jafx min huma dawn in-nies li qed jixtru l-passaporti. Hu tkellem dwar il-kompetittività internazzjonali minħabba l-preferenzi fid-deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern.

Edwin Vsasallo qal li Daphne kienet tkellmet kontra l-legalizzazzjoni tad-droga u qal li Malta illum saret sors ta’ traffikar tal-persuni għal skopijiet ta’ sess. Daphne kienet mara li avvanzat mingħajr ħtieġa ta’ kwota. Quddiem dawn il-problemi qed naraw gvern li jillegalizza d-droga.

Dan il-parlament hu cover-up ta’ kriminalità organizzata fejn id-deputati huma puapzzi f’idejn min hu ikbar minnhom. Bir-raġun li l-Kap tal-Oppożizzjoni talab li jitneħħew il-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali u biex l-istituzzjonijiet jiksbu l-indipendenza tagħhom.