Lokali Qtil Politiku

“Il-Prim Ministru għandu jwieġeb għall-falliment fis-saltna tad-dritt” – The Times

Il-gazzetta The Times ingħaqdet mal-lista ta’ vuċijiet li qed isejħu lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex iwieġeb għall-falliment fir-rule of law, is-saltna tad-dritt.

F’editorjal b’saħħtu, il-gazzetta fakkret li aktar kmieni dan ix-xahar, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri tkellem pubblikament meta qal li l-Qrati weħidhom ma jistgħux jiddefendu r-rule of law – u l-ġustizzja ma tistax issir – jekk il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ma jagħmlux xogħlhom.

Dak iż-żmien, tgħid The Times, kellhom ikunu l-Ministri Owen Bonnici u Michael Farrugia li jirrispondu. Imma issa, wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, imiss lill-Prim Ministru li jirrispondi għall-akkuża li falla fid-doveri tiegħu.

Id-doveri li falla fihom, skont The Times, huma ħafna, fosthom li ħalla l-governabbilità tikkorrompi ruħha; talli ħalla l-istituzzjonijiet jiddgħifu, talli ħalla persuni inkompetenti jiġu appuntati f’pożizzjonijiet delikati, talli ħalla l-kontabbiltà u t-trasparenza jitilfu kull sens li xi darba kellhom, u talli pprova joħnoq lill-media.

“Fi ftit kliem, taħt it-tmexxija tiegħu, kull struttura ta’ checks and balances inħattet,” innota l-editorjal.

The Times tgħid li bl-ebda mod m’hi tgħid jew tissuġerixxi li kien il-Prim Ministru, jew xi kollega tiegħu, li qatlu lil Daphne Caruana Galizia – iżda l-falliment fid-doveri tiegħu, wassal biex fil-pajjiż, il-kriminalità ltaqgħet mal-politika – u għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, nqatlet ġurnalista – talli għamlet xogħlha.

L-appell biex il-Prim Ministru jwieġeb politikament għal dak li seħħ, iżid mal-lista ta’ vuċijiet li għamlu appelli simili, hekk kif fl-aħħar jiem kemm it-tfal ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll l-Oppożizzjoni sejħu lill-Prim Ministru biex jerfa’ r-responsabbiltà għall-kollass tas-saltna tad-dritt u jirriżenja.

L-editorjal ta’ The Times itemm jgħid li għalkemm Daphne Caruana Galizia mhux se tibqa’ tikteb iktar stejjer inċisivi, dan ma jfissirx li l-bomba li qatlitha se twaqqaf dak li kienet bdiet.

“Dawk li ħasbu li rnexxielhom jilħqu l-għanijiet tagħna għandhom jifmu waħda: li aħna lkoll Daphne Caruana Galizia”, itemm jgħid l-editorjal.