Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, tat lil Patrick Spiteri tliet xhur ċans biex iħejji d-difiża tiegħu.
L-eks Avukat kien estradit lejn Malti mir-Renju Unit f’Mejju li għadda sabiex jiffaċċja numru ta’ akkużi quddiem diversi qrati ta’ frodi u miżappropjazzjoni ta’ madwar €7.4 miljun.
Dawn l-aħħar ġimgħat kienu karatterizzati minn diversi tentattivi minn Patrick Spiteri sabiex jingħata l-ħelsien mill-arrest. Għall-ewwel, l-argumentazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq raġunijiet ta’ saħħa.
Issa Spiteri qed jallega li qed jiġi perikolat id-dritt tiegħu li jippreżenta l-aħjar difiża possibbli għaliex mill-Ħabs ma jistax ikollu aċċess għal iktar minn 300 kaxxa mimlija files li qed isostni li huma essenzjali għad-difiża. Parti minn dawn il-kaxxi jinsabu depożitati fil-Qorti stess filwaqt li l-parti l-kbira ta’ dawn il-kaxxi jinsabu fi propjeta’ fi Gwardamangia li kienet tiegħu iżda issa hi maqbuda mill-Bank HSBC.
L-Avukat Stefano Filletti, għan-nom ta’ Spiteri, reġa insista fil-Qorti li l-aċċess għal dawn il-kaxxi hu kruċjali għad-difiża tal-klijent tiegħu.
Il-Maġistrat Demicoli aċċettat is-suġġeriment tad-Direttur tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin li jistgħu jitwasslu fil-fergħa tal-Ħabs fejn Spiteri qed jinżamm waħda. Dan billi jitwasslu għaxar kaxxi u malli jlesti minnhom, jittieħdu u jitwasslu għaxar kaxxi oħra.
Il-Qorti għaldaqstant ordnat li t-380 kaxxa bid-dokumenti jitwasslu ftit ftit lejn il-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Madanakollu, konxja tal-periklu li jkompli jinħela iktar żmien, il-Qorti tat tliet xhur ċans sabiex Spiteri jara d-dokumenti kollha li għandu bżonn.
“Issa l-ballun f’saqajk,” wissiet il-Qorti, “għandek ċans sal-aħħar ta’ Jannar.”
//= $special ?>