Illum fir-Repubblika Ċeka tiftaħ l-elezzjoni ġenerali. Elezzjoni li kollox qed jindika tista’ tintrebaħ mill-biljunarju Andrej Babis li ħafna xebħuh ma’ Donald Trump għall-attakki tiegħu kontra l-partiti politiċi u l-Unjoni Ewropea.
Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, il-partiti tiegħu, l-ANO, mistenni jirbaħ 30 fil-mija tal-vot.
Minkejja li Babis, it-tieni persuna l-aktar sinjura fil-pajjiż, spiss għajjar il-politiċi mill-partiti tradizzjoni li huma korotti, hu wkoll jinsab taħt il-lenti. Dan ix-xahar hu kien akkużat bi frodi ta’ żewġ miljun ewro b’rabta ma’ sussidju mill-UE apparti li hemm allegazzjonijiet kontrih li kien jaħdem mal-pulizija sigrieta fi żmien il-Komuniżmu.
Il-partit tradizzjonali sa qabel il-vot insistew li jekk Babis jirbaħ, huma ma kinux se jissieħbu fi Gvern immexxi minn Prim Ministru li qed ikun investigat. Babis mhux qed jeskludi li jmexxi Gvern ta’ minoranza b’appoġġ fil-Parlament mill-partit estremista tal-lemin, il-SPD jew il-KSCM, il-partit Komunista.
Osservaturi jsostnu li Babis hu theddida għad-demokrazija fil-pajjiż minħabba l-ideat awtoritarji tiegħu u li jista’ jdgħajjef l-istituzzjonijiet fil-pajjiż.
IR-REPUBBLIKA ĊEKA: Jibdew jivvutaw f’elezzjoni ġenerali


