– Simon Busuttil, PN
L-Eks Kap tal-Oppożizzjoni u deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li r-responabbiltà politika għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia taqa’ f’ħoġor il-Prim Ministru Joseph Muscat għaliex kien hu li intenzjonalment kisser l-istituzzjonijiet fosthom il-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Fil-parlament, Simon Busuttil qal li qatt daqs din il-ġimgħa ma kien mument xieraq li ssir diskussjoni dwar l-intern u s-sigurtà nazzjonali. Wara nhar it-Tnejn l-affarijiet kollha fil-pajjiż inbidlu u xejn mhu se jibqa’ l-istess.
Għall-ewwel darba qed niddibuta jekk il-pajjiż jistax joħroġ minn dan l-isqaq li daħluna fih u qed inħossni imbarazzat li qiegħed fil-politika. Dan seħħ għall-ewwel darba f’ħajti, sostna Simon Busuttil, li qal li ħassu jistħi u skomdu jgħid li hu deputat. Daqshekk hi gravi s-sitwazzjoni; ċertament għalija, sostna l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Id-diskors tal-Prim Ministru kien diskors ipokrita, ċiniku u manipulattiv. Ipokrtika għaliex il-Prim Ministru għamel bil-maqlub ta’ dak li qal, ċiniku għax hu aktar interessat minnu nnifsu milli mill-ġid nazzjonali u manipulattiv għax ipprova jitfa’ r-responabbiltà fuq ħaddieħor. Diskors intenzjonat li jimmanipula l-opinjoni pubblika biex iġibha fejn irid hu. Possibbli li wara dak li ġara nhar it-Tnejn, il-Prim Ministru jrid jimmanipula l-imħuħ.
Simon Busuttil qal li għalih Daphne Caruana Galizia kienet tirrapreżenta ħafna mill-valuri, mill-prinċipji li hu jemmen fihom; anki jekk ħafna drabi ma qabilx ma’ dak li kitbet u anki ħolqot sitwazzjonijiet diffiċli għalih meta kien Kap tal-Oppożizzjoni. Minkejja dan, hu dejjem irrispetta d-dritt tagħha li tikteb għaliex kienet qed tissielet biex tikseb il-libertà tal-espressjoni. Daphne kienet simbolu tal-libertà tal-espressjoni, ta’ dak li hu sewwa, tal-ġlieda tal-korruzzjoni u ta’ dak li hu sewwa fil-politika.
Simon Busuttil qal li mhux minnu li Daphne kienet tiddetta l-aġenda politika tiegħu għaliex hu jemmen fil-governanza tajba, kif kienet temmen hi. Dak li ġara lil Daphne bl-assassinju brutali hu qtil politiku għaliex Daphne kienet persuna politika prominenti. Qtil politiku għaliex inqatlet minħabba l-libertà tal-espressjoni. Inqatlet għax tkellmet. Kien assissinju tad-demokrazija Maltija li issa m’għadhiex dik li kienet. Diġà kienet fi stat prekarju ħafna minħabba li l-gvern kien qed jimmina d-demokrazija tal-pajjiż. Din hi sitwazzjoni grvai għaliex Malta hi pajjiż Ewropew u demokratiku.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li r-responsabbiltà taqa’ fuq ħoġor il-Prim Ministru minkejja li ħadd m’hu jgħid li l-Prim Ministru wettaqha hu jew qabbad lil min iwettaq id-delitt hu iżda l-Prim Ministru hu responsabbli anki għal kull m ġara biex is-sitwazzjoni twasslet s’hawn.
Simon Busuttil kompla li hu jimmaġina li l-Ministru tal-Intern offra r-riżenja kif jimmaġina li anki l-Kummissarju offra r-riżenja wkoll iżda l-Prim Ministru m’aċċettahomx. Joseph Muscat ilu erba’ snin jimmina d-demokrazija. Il-Prim Ministru m’għandu l-ebda triq oħra ħlief li jirriżenja għaliex spiċċa politikament kemm f’Malta kif ukoll internazzjonalment.
Hu kompla li l-Prim Ministru tilef kull leġittimità u ma jixraqlux jissejjaħ Prim Ministru wara dak li ġara għaliex dak li wassal għall-qtil ġabu hu b’idejh. Il-Prim Ministru hu responsabbli għall-klima li wasslet għall-qtil ta’ Daphne. Mill-ewwel ġurnata fl-2013, iċ-Chief of Staff Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi bdew ifittxi kif se jirreġistraw kumpaniji l-Panama. Bla dubju li l-Prim Ministru kien jaf x’qed jagħmlu ub’mod immedjat. Dan m’ għamluhx qabel daħlu fil-gvern.
Wara din l-oxxenità, l-Ministru Mizzi jidħol il-parlament u qisu xejn, jgħid ‘good morning’; lanqas diċenza ma fadallu u lanqas jistħu jidhru quddiem in-nies. Din hi l-verità! Hemm ħafna nies li intom xtrajtu l-vot tagħohm u dawn illum mhux jemmnukom.
L-Eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kompla li wara xahar neħħew il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo, li kien ilu hemm snin twal u li ma kinx fil-kariga għax kien Nazzjonalist għax ma kinx magħruf li hu Nazzjonalist. Floku poġġew lil Peter Paul Zammit, li lanqas kien jaf x’laqtu u dam biss ftit aktar minn sena bit-taħwid li għamel. Bidlu l-esperjenza ta’ Rizzo ma’ bniedem inkompetnti. Wara li telaq Peter Paul Zammit tpoġġa x’imkien ieħor bl-istess paga u llum ninsabu b’5 Kummissarji f’inqas minn ħames snin.
It-tieni Kummissarju tal-Pulizija kien Ray Zammit li għamel fit ġimgħat għaliex faqqa’ l-inċident tal-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, li kien refa’ r-responabbiltà u rriżenja. Manwel Mallia kien ta fiduċja li l-kultura tar-riżenja teżisti. Kien tneħħa wkoll il-Kummissarju Ray Zammit wara l-balbuljata li għamel f’dan il-każ u tpoġġa f’post ieħor x’imkien ieħor.
Kummissarju ieħor kien Michael Cassar, li kulħadd fehem li kien bniedem rispettat u serju li wkoll rriżenja għaliex kien wasal rapport tal-FIAU quddiemu li jimplika lil nies viċin ħafna tal-Prim Ministru fosthom Keith Schembri u Konrad Mizzi. Meta ġie ffaċċjat bil-piż enormi li jieħu azzjoni u investigazzjoni kriminali, Michael Cassar dehrlu li aħjar jitlaq u jirriżenja.
Il-Kummissarju ta’ warajh kien dak attwali li kien lest ikun kompletament pupazz u li kien lest jibqa lura milli jinvestiga lil Konrd Mizzi u Keith Schembri. Il-konferenza tal-aħbarijiet mill-Kummissarju kienet wara tliet jiem u kienet tal-mistħija. Kienet konferenza tal-aħbarijiet tal-mistħija u medjokri li ħarġet lill-Kummissarju bħala persuna inkompetenti u nieqes minn kull sens ta’ kompetenza u serjetà. Ħassejtni qiegħed f’pajjiż tat-tielet dinja. Anki fuq dik il-konferenza biss il-Kummissarju kellu jirriżenja.
L-Eks Kap tal-Opppżizzjoni u deputat Simon Busuttil kompla li din is-sitwazzjoni ġabha Joseph Muscat għax hu għażel lill-Kummissarji. Ħdejn il-Kummissarju kien hemm id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li hu r-raġel ta’ ministru jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kif għandhom il-wiċċ li Silvio Valletta jkun involut fl-investigazzjonijiet; mhux għax xi ħadd qed jattakka l-integrità tiegħu. Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera damet 16-il siegħa biex iddeċidiet li ma tmexxix l-inkjesta iżda l-Gvern ma ħassx li Silvio Valletta m’għandux ikun fl-investigazzjonijiet.
Id-deputat Nazzjonalista appella lill-Gvern biex ikun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat dwar Kummissarju tal-Pulizija biex ikun iffukat fuq xogħlu u mhux jiddefendi lill-persuni viċin il-Gvern.
Il-Korp tal-Pulizija illum hu mherri minn fuq s’isfel fejn anki is-Surġent tal-Pulizija Ramon Mifsud, bl-aktar mod oxxen, kundannabbli u inaċċettabbli, kellu l-wiċċ u ħassu liberu biżżejjed li jikkummenta b’mod dispreġjattivi. Dan kellu jitkeċċa!
Simon Busuttil kompla li l-Prim Ministru imminna l-Korp tal-Pulizija u tellef fil-protezzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-poplu Malti. Hemm rabta mal-Prim Ministru u mad-deċiżjonijiet ħżiena intenzjonati li ħa hu bħala Prim Ministru. Kien b’intenzjoni li l-kummissarji tbiddlu.
Simon Busuttil tkellem dwar l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u staqsa fejn qiegħed meta l-pajjiż għandu bżonnu. M’għamel l-ebda investigazzjonijiet u spiċċa bniedem bla sinsla li mhux denju li jkkupa li għamlu. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN jikkritika lill-Avukat Ġenerali għax ma wettaqx dmiru irrispettivament li dan hu appuntat minn Gvern Nazzjonalista snin ilu. L-Avukat Ġenerali hu ċ-Chairman tal-FIAU u għalhekk ilu jaf bir-rapporti tal-FIAU mill-mument li ħarġu.
F’dawn ir-rapporti l-FIAU talbet lill-pulizija tieħu passi fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi, bl-Avukat Ġenerali jkun jaf bihom u ma jsir xejn. L-Oppożizzjoni qed tinsisti li jitneħħa għax l-Avukat Ġenerali naqas mid-doveri tiegħu. L-Avukat Ġenerali Peter Grech missu ilu li telaq għax ma jixraqlux ikun Avukat Ġenerali. Dan kellu f’idu rapporti għal sena sħiħa biex jiġi investigat Keith Schembri u m’għamel xejn. L-Avukat Ġenerali għandu d-doveri skont il-liġi biex jieħu azzjoni. L-Oppożizzjoni saret taf sena wara b’dawn ir-rapporti iżda l-Avukat Ġenerali m’għamel xejn.
Daphne Caruana Galizia qatt ma għalqet ħalqa u l-Oppożizzjoni mhix se tagħlaq ħalqha, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Il-Ġudikatura hi l-aħħar tama; jekk fadal tam! Ma’ kull ġurnata li tgħaddi din it-tama qed tonqos għax imballaw il-ġudikatura bin-nies tagħhom bħal Toni Abela, l-ex Depeutat Mexxej tal-PL. Anki l-Prim Imħallef tkellem fuq il-ġudikatura, qal li se jitkellem dwar ir-rule of law u sostna li jekk il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ma jagħmlux id-dmir tagħhom il-ġustizzja ma tistax issir.
Il-PN jikkritika lill-istituzzjonijiet propju għax iridhom jaħdmu b’mod effiċjenti u effettiv. Illum l-istitzzjonijiet m’għadhomx jingħarfu.
Simon Busuttil tkellem dwar il-korruzzjoni u qal li mexxej ta’ pajjż m’għandu qatt idaħħal mentalità li tistituzzjonlizza l-korruzzjoni. Hi mentalità miskina u korrotta li jingħataw eluf ta’ promozzjonijiet qabel l-elezzjoni. Fejn iridu hemm il-whistle blower, kif ġara f’Għawdex, ikun aġevolat u fejn iridu din tkun attakkata. Illum kulħadd jaf għaliex ħarbet il-whistle blower Russa! Żgur li ma ħasittihix sigura iktar fil-pajjiż.
Dwar il-Panama Papers, l-eks Kap tal-PN u Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru tant iddefendihom li illum sar kompliċi magħhom. Hu kompla li kienet Daphne li ippubblikat l-istorja dwar il-kumpanija ta’ Konrad Mizzi fil-Panama bil-Prim Ministru jhedded bil-libell anki dwar il-kumpanija ta’ Keith Schembri. Marru jiġru madwar id-dinja biex jiftħu kont sakemm sabu bankli qallhom li jridu jpoġġu €1 miljun kull sena meta dawn jaqilgħu €50,000 fis-sena. Minn dejn ġejjin dawn il-flus! irrimarka Simon Busuttil. Dawn huma l-istandards ta’ Daphne Caruana Galizia, li dejjem fittxet l-ogħla standards minn kulħadd.
L-agħar parti ta’ dan l-iskandlu hu li aktar minn sena wara li l-każ kien żvelat u kien hemm il-konfermi dwar il-commissions, ma tinfetaħx investigazzjoni tal-pulizija jew mill-Avukat Ġenerali. Kellu jmur hu quddiem il-qorti biex isiru l-investigazzjonijiet u wara jumejn, il-Maġistrat beda investigazzjoni kriminali. L-għada, l-Prim Ministru appella biex ma tibdiex investigazzjoni fuq affarijiet privati.
L-appell spiċċa quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, li hu r-raġel tal-ewro-parlamentari Laburista. Ħadd m’attakka l-intgerità tal-Imħallef iżda s-sitwazzjoni hi assurda! Hu qal li ppreżenta kawża kostituzjonali biex l-Imħallef Mizzi jastjeni milli jkompli jisma’ l-kawża għall-istess raġunijiet li l-Maġistrat Consuleo Screri Herrera qalet li l-ġustizzja trid issir u tihder li qed issir u asteniet dwar l-inkjesta fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fuq il-korruzzjoni, Simon Busuttil qal li l-pajjiż jirrevdi l-pożizzjoni tiegħu jekk jidħol membru fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li jinvestiga każi ta’ frodi fil-pajjiż. Wara nhar it-Tnejn ir-raġunijiet tekniċi li Malta ġabet biex ma jindħalux fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (EPPO) illum m’għadhomx validi. Malta għandha tirrevedi l-pożizzjoni tagħha u għandha tiffirma biex tidħol fl-EPPO
Dan hu l-istat li wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Għall-PN dan mhux aċċettabbli li ma jaċċettax li l-istandards jinżlu f’dawn il-livelli.
Simon Busuttil tkellem dwar il-kriminalità u qal li l-gazzetti barranin qed jgħidu li hawn kriminalità mafjuża li għandha s-swaba fil-poter. Fl-aħħar sena f’Malta kien hemm tliet vittmi ta’ karozzi bombi u s-sena li għaddiet kien hemm vittmi oħra iżda ma nqabad ħadd. Fil-ħabs hemm straġi ta’ droga. Hu appella lill-Ministru tal-Intern biex jintervjeni biex il-persuni li jkunu għamlu l-progrsmm reġgħu jispiċċaw il-ħabs. Il-kriminalità llum qed tiddomina u s-sitwazzjoni hi bla kontroll.
L-immaġini tal-pajjiż tkissret, sostna Simon Busuttil, li kompla li għandu dubju dwar kemm il-pajjiż jista’ joħroġ minn dan l-isqaq. Hu appella lill-media internazzjonali biex ma tinsiex lil Daphne u lil Malta. L-UE s’issa baqgħet b’ħalqha magħluq minkejja l-appelli tiegħu anki direttament ma’ Junker iżda m’għamlet xejn. L-UE għandha tagħmel iktar fuq Malta.
Hu appella lin-nies biex jitkellmu u jqumu kollha flimkien u jattendu għall-protesta nhar il-Ħadd li ġej.
//= $special ?>