L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Gordon Refalo bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Marija, Ħal Għaxaq. Dun Gordon Refalo twieled Tas-Sliema fit-30 ta’ Novembru 1961. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola ta’ St Joseph ir-Rabat, u fil-Kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara. Dun Gordon kompla bl-edukazzjoni terzjarja fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta.
Huwa ġie ordnat saċerdot fil-5 ta’ Lulju 1991. Dun Gordon serva bħala Viċi Kappillan fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, u wettaq ukoll ħidma pastorali fil-Parroċċa tan-Naxxar. Huwa kien Kappillan tal-parroċċi ta’ Santa Luċija, l-Ibraġ u s-Swatar. Fl-2012 beda jservi bħala Kappillan fil-Parroċċa ta’ Ħal Luqa.
Dun Gordon Refalo kien il-President tal-Kulleġġ tal-Kappillani bejn l-2012 u l-2016. Il-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq tiġbor fiha madwar 5,120 persuna f’1,610 familja.
Intant l-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Kan. Dun Michael Zammit bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Sant’Andrija Appostlu, Ħal Luqa. Dun Michael Zammit twieled fl-10 ta’ Settembru 1986. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola ta’ St Francis, l-Imsida, l-edukazzjoni sekondarja fil-Junior Lyceum tal-Ħamrun, u l-edukazzjoni post-sekondarja fil-Junior College, l-Imsida. Dun Michael kompla bl-edukazzjoni terzjarja fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta.
Huwa ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 2012. Dun Michael serva bħala Viċi Kappillan fil-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat. Kien ukoll religious counsellor fil-Kulleġġ San Nikola, ir-Rabat, u fil-Kulleġġ San Injazju, Tal-Ħandaq, Ħal Qormi.
Il-Parroċċa ta’ Ħal Luqa tiġbor fiha madwar 5,600 persuna f’1,600 familja.
//= $special ?>