Wara li d-diskors tal-Buget kien jinkludi biss ftit linji dwar il-pjanijiet tal-Gvern għall-kumpanija nazzjonali tal-ajru Air Malta, il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi għażel li jħabbar il-pjanijiet tal-Gvern dwar l-Air Malta waqt is-seduta Parlamentari tal-Ġimgħa filgħaxija.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li sa tmiem din is-sena l-kumpanija trid tibda taħdem bi ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema. Huwa qal li fost l-oħrajn dan il-ftehim kollettiv, li jrid ikun mifrux fuq ħames snin, irid ikun jinkludi miżuri biex il-flying crew itiru għal iktar sigħat, u li t-titjiriet joperaw b’cabin crew minimu li jrid jonqos mill-ħames membri ta’ bħalissa. Huwa esiġa li jkun hemm “flessibilità mill-ħaddiema” u saħaq li se jkun hemm tibdil fil-prattiċi tal-ħaddiema tal-Air Malta sabiex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jirriflettu s-suq li noperaw fih.
“Issa l-ballun qiegħed f’saqajn l-Unions” sostna l-Ministru Konrad Mizzi.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu Konrad Mizzi qal li l-Gvern jixtieq li l-AirMalta tkun suċċess u li hu personalment se jitfa’ l-istess enerġija li tefa’ fl-Enemalta biex din il-kumpanija jkollha suċċess. Huwa qal li se jaħdem biex il-kumpanija tibqa’ kumpanija protagosta fis-suq Malti.
Huwa qal li l-pjanijiet tal-Gvern għall-kumpanija nazzjonali tal-ajru huma bbażati fuq erba’ punti: Żieda fil-frekwenza tat-titjiriet fost l-oħrajn bl-introduzzjoni ta’ erba’ rotot ġodda, l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li diġà huma offruti minn kumpaniji oħra tal-ajru, il-ground handling li jrid jinqata’ mill-linja tal-ajru u ftehim kollettiv ta’ ħames snin li jrid ikun miftiehem sal-aħħar ta’ din is-sena.
Meta kien qed jitkellem dwar il-ground handling li se jinqata’ mil-linja tal-ajru Konrad Mizzi qal li l-ħaddiema se jiġu protetti u li l-Air Malta se tkun qed tħallas lill-kumpanija tal-ground handling il-ġdida b’rati kummerċjali.
Konrad Mizzi qal li l-gvern se jkun qed iżid il-pagi tal-ħaddiema tal-AirMalta iżda qal li se jkun jista’ jagħmel dan biss jekk ikun hemm żieda qawwija fis-sales tal-kumpanija.
Matul id-disors tiegħu Konrad Mizzi semma għal ħafna drabi l-importaza ta’ flessibilità minn naħa tal-ħaddiema u appella lill-unions biex jikkoperaw miegħu sabiex il-ftehim kollettiv ikun konkluż sal-aħħar ta’ din is-sena.
//= $special ?>