“In-nies qed jitolbu ġustizzja quddiem kollass totali” qal l-opinjonista Michael Briguglio meta kien qed jitkellem waqt il-programm NET Live fuq NET Television.
Briguglio kien qed jiġi intervistat dwar il-protesta nazzjonali li se tkun organizzata l-Ħadd mis-Soċjetà Ċivili, grupp ta’ individwi minn oqsma differenti tal-ħajja, fauvr il-ġustizzja.
“Qed ngħixu fi żminijiet koroh ħafna fejn hawn ħafna nies imbeżża’ u xxukkjati,” qal Briguglio waqt li fisser kif madanakollu kienu n-nies għattxana stess li talbu li ssir protesta nazzjonali biex ikunu jistgħu jesprimu r-rabja tagħhom lejn din is-sitwazzjoni. Hu kien qed jitkellem dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Meta kien qed jispjega dwar it-tema tal-protesta, jiġifieri l-għajta għall-ġustizzja, Michael Briguglio qal li l-ġustizzja m’għandiex tfisser biss li l-qattiel jieħu dak li ħaqqu, iżda li ssir ġustizzja wkoll billi jkun hemm istituzzjonijiet li jaħdmu.
Kien hawnekk fejn innota li bħalissa hemm kollass totali fejn l-istituzzjonijiet m’humiex qed joffru protezzjoni liċ-ċittadini, jew inkella jipproteġu biss lill-kbar.
“Is-saltna tad-dritt tgħodd għal ċertu nies u ma tgħoddx għal oħrajn,” qal Michael Briguglio, waqt li ġab eżempju bil-Korp tal-Pulizija li pprefera jipproteġi merħla nagħaġ minflok lil Daphne Caruana Galizia.
Hu qal li hu rrelevanti li Caruana Galizia rrifjutat il-protezzjoni, għax spjega li l-Pulizija huma dejjem obbligati li jipproteġu lil min għandu bżonn il-protezzjoni.
“Qed ngħixu f’pajjiż fejn il-bullies jagħmlu li jridu u l-Pulizija tieħu azzjoni biss fuq affarijiet żgħar,” spjega Michael Briguglio.
Fl-intervista, Michael Briguglio ħeġġeġ lin-nies jattendu l-protesta nazzjonali ta’ nhar il-Ħadd li ġej fil-Belt Valletta, u stieden lill-pubbliku biex jieħdu magħhom il-bnadar ta’ Malta.
//= $special ?>