Lokali Qorti

Protest Ġudizzjarju kontra l-Universita’ Amerikana dwar tkeċċija inġusta

Iż-Żonqor - wieħed miż-żewġ siti tal-Universita' Amerikana

Koppja mill-Belġju ressqu protest ġudizzjarju kontra l-kumpanija Sadeen Education Investment, li tmexxi l-Universita’ Amerikana ta’ Malta fejn qed jallegaw li tkeċċew inġustament, u dan bi ksur tal-Karta tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali.

Chiara Ludovica Battistelli, flimkien mar-raġel tagħha Gerardo Donati, kienu jgħixu fil-Belġju sa’ Ġunju ta’ din is-sena meta Battistelli ffirmat kuntratt ta’ konsulenza ma’ Sadeen biex tmexxi l-uffiċċju tal-applikazzjonijiet tal-istudenti u tattira studenti lejn l-Universita’.

Battistelli qalet li kienet taħdem l-iktar mill-Belġju iżda kellha tiġi Malta għal tliet ijiem kull xahar. Mat-tmiem tal-kuntratt ta’ konsulenza, Battistelli kellha tingħata kuntratt ta’ impjieg għal tliet snin li kellu jibda fl-1 ta’ Ġunju ta’ din is-sena fil-kariga ta’ direttur tal-admissions b’salarju ta’ €52,500 fis-sena u numru ta’ benefiċċji, inkluż edukazzjoni tat-tfal imħallsa.

Il-Protest ikompli li biex taqdi d-dmirijiet tagħha, Battistelli ġiet toqgħod Malta flimkien mal-familja tagħha, fosthom żewgha Donati li ħalla impjieg f’kariga maniġerjali f’ditta finanzjarja u binhom li nkiteb fi skola f’Malta.

Madanakollu, minkejja li qdiet id-dmirijiet tagħha b’mod għaqli u attirat numru ta’ studenti, id-diriġenti ta’ Sadeen, mingħajr ma taw raġuni, qalulha li l-impjieg tagħha se jiġi fi tmiemu fl-4 ta’ Settembru.

Minħabba l-fatt li tmiem l-impjieg sar fiż-żmien tal-probation, Battistelli m’għandha ebda rimedju taħt il-Liġi Industrijali f’Malta. In-nuqqas ta’ dan ir-rimedju, ikompli l-protest, jikkostitwixxi ksur tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali.

L-Avukat Joe Ellis, li ffirma l-protest għan-nom tal-koppja, sostna li l-kumpanija aġixxiet b’mod abbużiv u kkaġunatilhom danni serji li jekk ma tagħmilx tajjeb għalihom, se jittieħdu passi skont il-liġi.