Internazzjonali

Saif al-Islam Gaddafi jirritorna għall-politika

Sitt snin wara li l-Libja eliminat ir-reġim tal-eksdittatur, Muammar Gaddafi, waqt ir-rivoluzzjoni storika, Saif al-Islam Gaddafi, l-iben u l-eredi tal-eksdittatur, ħabbar li qed jirritorna fil-kamp politiku wara snin ta’ inċertezza dwaru.
Kien proprju l-avukat ta’ Saif li, fit-Tuneżija, informa lill-ġurnalisti li Saif al-Islam Gaddafi kien qed jirritorna fix-xena politika tal-Libja waqt li qal li Saif ‘hu tajjeb minn aspett fiżiku u psikoloġiku’. Jidher li Saif al-Islam Gaddafi qed jaħdem fuq il-politika mill-bażi tiegħu fil-Libja. Ingħad li qed jikkollaboraw fil-politika tiegħu ‘it-tribujiet, l-awtoritajiet tal-ibliet u l-entitajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet’.
L-avukat ta’ Saif tenna li l-klijent tiegħu qed isegwi l-iżviluppi fil-Libja kuljum u li ‘l-għan aħħari jibqa’ dak għal paċi fil-Libja’.
Fl-aħħar tar-rivoluzzjoni fil-Libja li, fl-2011, intemmet bl-esekuzzjoni ta’ missieru, Saif al-Islam Gaddafi spiċċa miżmum mill-membri ta’ milizja fil-belt ta’ Zintan, qalb il-muntanji tal-Libja. Dan wara li Saif – li, fl-2004, ħareġ fost il-protagonisti għall-avviċinament tal-Libja mal-Istati Uniti u l-alleati tagħha – kien stinka qatigħ biex jiddefendi lir-reġim ta’ missieru fix-xhur imdemmija tar-rivoluzzjoni.
Saif, fl-2015, kien ikkundannat għall-mewt minn Qorti Libjana (permezz ta’ video link) għar-rwol tiegħu fir-rivoluzzjoni. Iżda fil-kumplessività tal-iżviluppi tal-gwerra ċivili Libjana, hu kien inħeles taħt liġi li tat amnestija politika lill-eksuffiċjali tar-reġim ta’ Muammar Gaddafi, fl-istess sena.
Saif al-Islam Gaddafi kien qal li d-dmija sussegwenti mir-rivoluzzjoni kienet dovuta għal ‘militanti Iżlamiċi xurbana u fuq id-droga’ u li hu inqabad fil-filmati fejn is-sostenituri armati tal-eksreġim kienu inkoraġġuti biex jiġġieldu kontra dimostranti li kienu qed jipprotestaw fil-kapitali Libjana, Tripli. Illum, Saif jinsab f’kuntatt mal-qraba li fadallu permezz ta’ intermedjarji u mhux b’mod dirett.