Lokali Qorti

Sentenza sospiża talli iffrodat raġel ripetutament bi Lm80,000

Grace Gatt ta’ 49 sena kienet ikkundannata għal sentejn Ħabs, sospiża għal erba’ snin, wara li nstabet ħatja li akkwistat iktar minn €186,135 (Lm80,000) bi frodi għad-dannu ta’ raġel f’diversi episodji bejn l-2004 u l-2005.

Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, hi kienet akkużata bi frodi, trading in influence u rikatt fil-konfront ta’ John Attard mir-Rabat Għawdex.

Attard mir-Rabat Għawdex li kien jaħdem fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni f’Għawdex, qal li l-ewwel kuntatt ma Gatt kien meta ingaġġa s-servizzi tagħha bħala debt collector fuq xi djun li kellu jiġbor mingħand terzi. Ta’ dan, hi kienet tħallset.

Iżda iktar tard hi qaltlu li kien hemm xi ħadd li jaħdem fil-Ministeru li kien se jagħmillu vendikazzjoni. Gatt, flimkien ma’ ċertu Lourdes Castillo, kienet ikkonvinċietu li hi taf nies qrib il-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dak iż-żmien Louis Galea, u li tista’ tirranġalu biex dan it-tali ma jibqax jagħmillu ħsara, diment li jkun lest li jħallas somma. Gatt anki kkonvinċiet lill-vittma li iktar ma jħallas, saħansitra tkun tista’ tirranġalu biex jieħu promozzjoni. Iżda fil-Qorti irriżulta li la Gatt u lanqas Castillo ma kienu jafu lil Louis Galea jew persuni qrib tiegħu.

Attard emmen dan kollu u spiċċa biex għadda Lm60,000 lil Grace Gatt fejn kien iħallas lill-kompliċi tagħha Lourdes Castillo li min-naħa tagħha kienet tgħaddihom lil Grace Gatt.

Sadanittant, John Attard ingħata x’jifhem li ċertu tfajla minorenni kienet ħadet grazzja miegħu u dan beda jibgħatilha messaġġi amorużi li kienu jiġu imwieġba. Eventwalment, hu rċieva telefonata, allegatament minn omm it-tfajla, fejn hedditu li se tirrapportah lill-Pulizija.

Ftit wara hu rċieva telefonata minn Gatt li qaltlu li kkonvinċiet lil omm it-tfajla biex ma tirrapportax lil Attard jekk iħallas Lm20,000. Hu kien qallha li ma kellux dak il-flus fuqu iżda l-imputata qaltlu li se tħallas lil ommha hi u hu iħallas lilha. Iżda fil-Qorti, irriżulta li din kienet kollha messa in scena hekk kif it-tweġibiet għall-messaġġi tiegħu u t-telefonata li allegatament saret minn omm it-tfajla, fir-realta’ saru minn Lourdes Castillo.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, iddikjarat illi kien hemm każ ta’ frodi “permezz ta’ messa in scena waħda wara l-oħra,” irnexxielhom jikkonvinċi lil Attard iħallashom Lm60,000 fil-kwistjoni dwar xogħolu u Lm28,000 fil-kwistjoni tar-rapport minn omm it-tfajla.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-akkuża ta’ trading in influence, il-Qorti qalet li filwaqt li hi konvinta li Attard kien qed jgħid il-verita, madanakollu ġie stabbilit li Gatt qatt ma kellmet lill-Ministru Galea jew xi nies qrib tiegħu u għaldaqstant, dan ir-reat ma jirriżultax.

Dwar l-akkuża ta’ rikatt u ħlas marbut mat-theddid fittizji ta’ omm il-minorenni, il-Qorti ma setgħetx tgħaddi għal ġudizzju minħabba li r-reat jiġi preskritt wara ħames snin.

Għaldaqstant, il-Maġistrat Doreen Clarke sabet lil Grace Gatt ħatja ta’ frodi u ikkundannatha għal sentejn Ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordnatha tħallas lura is-somma ta’ €102,492 li hi ekwivalenti għal Lm44,000 fi żmien sitt xhur.

F’kawża separata deċiża fl-2012, Lourdes Castillo ukoll kienet ikkundannata sentejn Ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordnata tħallas lura €93,000 (madwar Lm40,000)fi żmien sitt xhur

Il-Prosekuzzjoni fil-każ kontra Grace Gatt tmexxiet mill-Ispettur Yvonne Farrugia.