Lokali Parlament

“Is-settur turistiku se jsofri minn din id-daqqa għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna” – Robert Arrigo

Fid-diskors tiegħu fil-Parlament id-Deputat Robert Arrigo ffoka fuq l-impatt tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u kif dan se jolqot is-settur turistiku ta’ pajjiżna.

Huwa fakkar li fil-livell turistiku pajjiżna kellu reputazzjoni ta’ pajjiż sigur iżda b’dak li seħħ nistgħu nitilfu din ir-reputazzjoni. Huwa qal li għall-ewwel darba l-bookings matul din il-ġimgħa ma daħlux kif suppost u dan jista’ jixhed l-impatt tal-aħbarijiet negattivi li hemm bħalissa fuq pajjiżna.

Fakkar li l-udjenza ta’ pajjiżna mhijiex biss il-persuni li jżuru lil pajjiżna iżda wkoll dawk li jsegwu l aħbarijiet fuq l-internet u dan huwa settur li jgħix mill- marketing u mir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Huwa fakkar li fis-settur turistiku pajjiżna ilu dan l-aħħar disa’ snin jikseb rekord wara l-ieħor u huwa importanti li wieħed ma jiħux dan is-suċċess for granted u li naraw li nħarsu dan is-settur.

Huwa u jitkellem dwar il-qasam turistiku f’pajjiżna, id-Deputat Robert Arrigo għamel appell ġenwin lill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi biex ma jagħlaqx il-kumpanija Air Malta. Huwa fakkar li issa mhuwiex iż-żmien li nilgaħbu bl-impjiegi tal-ħaddiema f’din il-kumpanija u minflok inħarsu lejn soluzzjoni għal din il-kumpanija.

Robert Arrigo temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lill-Gvern biex Malta jkollha rappreżentanza tajba ħagfna f’fiera importanti li se tkun qed isir l-Ingilterra. Huwa saħaq li l-preżenza b’saħħitha ta’ Malta f’din il-fiera hija importanti biex Malta tiddefendi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna sabiex il-Gvern jassigura li l-industrija tat-turiżmu jibqa’ jagħtina s-suċċessi li qed jagħtina.