Lokali

It-titjiriet tal-Airmalta lura għan-normal b’effett immedjat

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet bdew azzjonijiet industrijali

L-Air Malta, l-Union tal-Cabin Crew u l-GWU laħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet pendenti bejniethom. B’riżultat ta’ dan, u b’effett immedjat, l-azzjonijiet industrijali kollha meħuda mill-Unions ġew sospiżi u t-titjiriet tal-linji tal-ajru se jerġgħu lura għan-normal b’effett immedjat.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri bejn is-Sibt u l-Ħadd numru ta’ titjiriet tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, ittardjaw b’nofs siegħa bejn is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filghodu. Dan hekk kif il-membri tal-Union tal-Cabin Crew bdew azzjoni industrijali u osservaw ordni ta’ Go Slow.

Net News kien irrapporta li l-crew tal-Air Malta u l-management tal-kumpanija ilhom għall-aħħar xhur jargumentaw minħabba l-allegat ksur tal-ftehim kollettiv, problemi bir-rosters tal-ħaddiema kif ukoll it-theddid tal-Ministru Konrad Mizzi li l-ħaddiema jew jaċċettaw il-kundizzjonijiet offruti jew inkella jagħlaq il-linja nazzjonali u jiftaħha b’isem u ħaddiema ġodda.

Intant, fl-aħħar sigħat l-Airmalta fi stqarrija rringrazzjat lill-partijiet kollha sabiex intlaħaq il-ftehim fl-aħjar interess tal-linja tal-ajru, l-impjegati tagħha u il-klijenti.