“Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista li fittxet is-sewwa. Huwa dmir tagħna l-politiċi li nifhmu x’inhi s-sewwa u x’inhi r-raġuni għalfejn qegħdin fil-politika”.
Qal dan id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Karl Gouder meta kien qed jitkellem fil-Parlament nhar is-Sibt waranofsinhar.
Huwa qal li minkejja li qatt ma ltaqa’ mal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huwa għaraf li permezz tal-blog tagħha, Daphne Caruana Galizia tat pariri tajba bil-mod tagħha lilu u lil kull politiku u llum, wara l-mewt tagħha, wieħed jinduna kemm Daphne Caruana Galizia riedet tkun ta’ ġid lill-politiċi u lill-pajjiż.
Karl Gouder qal li huwa mnikket bis-sens ta’ firda li sar hawn f’pajjiżna fejn ħafna min-nies għamlu l-flus bħala l-alla tagħhom. Huwa qal li llum għandna d-dmir li ndaħħlu lura fis-soċjetà Maltija sens ċiviku u sens ta’ dover u li nerġgħu ndaħħlu lura fil-politika sens ta’ altruwiżmu u servizz.
Huwa għamel appell ġenwin biex il-Ħadd kulħadd jingħaqad fid-dimostrazzjoni li se tkun qed issir il-Belt Valletta.
Wara l-konferenza tal-aħabarijiet tal-Kummissarju tal-Pulizija, Karl Gouder tenna t-talba tal-Oppożizzjoni għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija u silet id-differenza bejn il-Kummissarju attwali u l-eks Kumissarju tal-Pulizija John Rizzo li ta l-analiżi tiegħu dwar dan id-delitt faħxi.
“Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista li riedet tgħaġġel il-proċess tal-bidla. Irridu naħdmu lkoll flimkien biex dak li riedet Dapne verament iseħħ” temm jgħid Karl Gouder.
//= $special ?>