Lokali Qtil Politiku

FILMAT: “Hawn nies kapaċi jagħmlu dawk it-tip ta’ bombi” – l-eks Kummissarju John Rizzo

Jitkellem ukoll l-avukat Roberto Montalto – “Jekk il-Gvern mhuwiex responsabbli, mela min hu?”

“F’Malta hawn nies li fl-oppinjoni tiegħi kapaċi jagħmlu dawk it-tip ta’ bombi” – kliem l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo meta kien intervistat fuq il-programm Xarabank dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

John Rizzo ġie mistqosi jekk waqt li hu kien għadu Kummissarju tal-Pulizija, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qatt irrifjutatx li jkollha l-protezzjoni tal-Pulizija stazzjonati wara l-bieb tad-dar tagħha. Hu stqarr li hu minnu li Daphne Caruana Galizia kemm-il darba rrifjutat il-protezzjoni, iżda madanakollu hu xorta waħda kien jibagħat lill-Pulizija ronda ta’ spiss jaraw li kollox hu sew mad-dar tal-ġurnalista – u f’każijiet partikolari wkoll stazzjona Pulizija faċċata tad-dar biex ma jdejjaqx il-privateza tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija sostna li dwar il-kumpens ta’ miljun ewro li offra l-Gvern għal min ikollu xi informazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista – bħala Pulizija ma tantx jieħdu gost biha, hekk kif jista’ jkun hemm min japprofitta ruħu u jgħaddi ftit jew informazzjoni li mhux minnha – u għaldaqstant hemm bżonn li dan il-kumpens ikun irregolat sew.

John Rizzo semma’ kif splużjoni ta’ dik il-qawwa teqred ħafna mill-evidenza – u li mhux bilfors li din il-bomba inħadmet barra minn Malta. Hu tenna li skont l-esperjenza u l-oppinjoni tiegħu, f’pajjiżna hawn min hu kapaċi jaħdem bombi ta’ dik is-saħħa. Madanakollu – il-Kummissarju tenna li din l-investigazzjoni tista’ ddum is-snin, hekk kif ġieli ssolvew każijiet wara 22 sena li jkun seħħ il-qtil.

Intant fl-istess programm fuq l-istazzjon nazzjonali, tkellem ukoll l-avukat Roberto Montalto fejn stqarr li l-poplu għandu bżonn lill-awtoritajiet joffru l-kenn lill-poplu u jieħu responsabbilta’.

“Huwa stat ta’ fatt illum aċċettat għax m’ilux kien hemm survey, li hemm eprsentaġġ kbir ta’ nies li ma jemmnux fil-Korp tal-Pulizija. Dik hi xi ħaġa li għandna nijorawa? U min hu responsabbli għal din is-sitwazzjoni? Il-Prim Ministru? Il-Ministru tal-Intern? Dawn m’għandhomx iwieġbu għaliha din? Għaliex in-nies jibżgħu? Għax m’għandhomx ħajt ta’ kenn imkien, m’għandhomx fejn jinħbew, m’għandhomx fejn ifittxu l-protezzjoni – u xi ħadd hu responsabbli. Jekk mhuwiex il-Gvern responsabbli allura m’huwa ħadd.” – tenna jgħid l-avukat Roberto Montalto.