Futbol Sport

Formula 1 – Hamilton b’ċans li jirbaħ it-titlu

Il-Ħadd isir il-Grand Prix tal-Istati Uniti u l-lider tal-klassifika Lewis Hamilton tal-Mercedes jinsab b’ċans li jirbaħ it-titlu. Jekk jagħmel dan din tkun ir-raba’ darba li jkun rebaħ it-titlu mondjali.
Biex Hamilton jaċċerta ruħu mit-titlu irid iġib 16-il punt aktar mill-eqreb rivali tiegħu Sebastian Vettel tal-Ferrari.

Il-Ferrari kienu sejrin tajjeb sakemm saru t-tlielaq fl-Asja. F’Singapore kien Vettel stess li għamel żball li wassal biex hu, Kimi Raikkonen u Max Verstappen jirtiraw mill-GP.

Fil-GP tal-Malasja u l-Ġappun il-karozza tal-Ferrari kellha problemi u minn dan pront approfitta Hamilton li bħalissa għandu vantaġġ ta’ 59 punt.

Dan ifisser li jekk il-Ħadd Hamilton jirbaħ it-tellieqa u Vettel ma jispiċċax mal-ewwel ħamsa, l-Ingliż ikun inkurunat champion u b’hekk ipatti wkoll għad-disfatta ta’ sena ilu meta dakinhar kien tilef l-isfida ma’ Nico Rosberg li rtira mill-isport ftit jiem wara li sar champion.

Jekk kemm-il darba Hamilton itemm fit-tieni post dan isir champion jekk Vettel jispiċċa fid-disa’ post jew inqas u Bottas tal-Mercedes ma jirbaħx it-tellieqa.

Ta’ min jinnota wkoll li l-Mercedes jirbħu r-raba’ Kampjonat tal-kostrutturi jekk jiksbu 17-il punt aktar mill-Ferrari.It-tiġrija ssir fid-9.00pm.

Bolt preżenti f’Austin
L-eksatleta Ġamajkan li rtira matul is-sajf li għadda Usain Bolt se jagħti l-bidu b’mod uffiċjali għall-Grand Prix tal-Ħadd li ġej fl-Istati Uniti.

L-aktar persuna veloċi fid-dinja, se jagħti s-sinjal lis-sewwieqa biex jibdew id-dawra ta’ preparazzjoni f’Austin.

It-tmien darbiet Champion Olimpiku li rtira mill-atletika wara l-Kampjonati tad-Dinja ta’ din is-sena f’Londra, mistenni wkoll jiddawwar maċ-ċirkwit mil-leader tal-kampjonat Lewis Hamilton bi preparazzjoni għal din it-tiġrija.

Bolt hu wieħed minn numru ta’ ismijiet popolari, li qed jintużaw mis-sidien tal-Formula 1 Liberty Media fl-ewwel Grand Prix f’pajjiżhom.