Futbol Sport

Futbol – sentenza ta’ tliet snin u nofs ħabs għal Miccoli

L-eksplejer internazzjonali tal-Italja Fabrizio Miccoli, li f’pajjiżna lagħab għal Birkirkara, ingħata sentenza ta’ tliet snin u nofs ħabs.

Dan wara li nstab ħati ta’ reat magħruf bħala ‘estorsione aggravata’. L-investigazzjonijiet urew li Miccoli kellu jieħu €12,000 mingħand persuna iżda meta rċeviex dawn il-flus mar għand il-Cosa Nostra biex jirranġa l-kontijiet.

Il-każ seħħ bejn l-2010 u l-2011 meta sieħbu Mauro Lauricella, iben mafjuż magħruf bħala “U Scintilluni” li min-naħa tiegħu akkużat li uża metodi vjolenti biex jirkupra parti mill-flus.

B’rabta ma’ dan il-każ, Lauricella weħel sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal akkużi ta’ vjolenza privata aggravata b’metodu mafjuż. Miccoli, li baqa’ jiċħad l-akkużi jew kwalunkwè sehem f’dan il-każ u mistenni jappella.

Lopez maħtur kowċ ta’ Cagliari
Diego Lopez se jerġa’ jmexxi lit-tim ta’ Cagliari wara li nħatar kowċ ta’ dan it-tim minflok Massimo Rastelli li tkeċċa mill-kariga jiem qabel.

Cagliari keċċew lil Rastelli biex dan sar l-ewwel kowċ fis-Serie A li tilef postu matul dan l-istaġun. Din l-aħbar kienet waslet wara r-raba’ telfa konsekuttiva li sofrew Cagliari bl-aħħar waħda tkun dik kontra Genoa fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Issa se jkun Lopez li jmexxi lit-tim. Hu kien diġà kowċ ta’ Cagliari fl-istaġun 2013-14 u issa dan iffirma kuntratt li jorbtu mat-tim sa Ġunju tal-2019.

Illum Cagliari jkunu fl-azzjoni hekk kif jilagħbu kontra Lazio.