Internazzjonali

Il-Brexit: Jimminimizzaw diskors dwar staġnar

 

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal li rapporti dwar staġnar fin-negozjati għall-Brexit setgħu kienu eżaġerati u għalkemm ma kienx hemm ‘biżżejjed progress’ biex Brussell jibda t-taħditiet għal ftehim kummerċjali mar-Renju Unit, dan ma jfissirx li ‘ma sar l-ebda livell ta’ progress’.

Tusk qal dan wara t-tmiem tal-aħħar summit tal-UE fi Brussell ( imqassam fuq jumejn), u issa, il-Mexxejja tal-Unjoni se jiddiskutu l-kwistjoni b’mod intern bil-għan li jwittu t-triq għal taħditiet ma’ Londra – possibbilment f’Diċembru.

Filwaqt li Michel Barnier, in-negozjatur ewlieni tal-UE għall-Brexit, aktar kmieni fix-xahar, fisser it-taħditiet mar-Renju Unit bħala ‘staġnati’, Tusk sostna, wara s-summit, li filwaqt li mgħandux id-differenzi ma’ Barnier fil-kwistjoni, ‘hu irid jgħin biex jixpruna n-negozjati b’mod pożittiv għall-ħames u sitt ġimgħat li ġejjin’.

‘Nemmen li hemm ir-rieda tajba fuq kull naħa u forsi għalhekk qed inħossni ftit aktar ottimist minn Michel Barnier,’ sostna Tusk.

L-hekk-imsejħa ‘spiża tad-divorzju’ għadha toħloq l-intoppi fit-taħditiet ta’ Brussell ma’ Londra.

Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qed jgħid li fadal ħafna xi jsir dwar l-impenn finanzjarju qabel jistgħu jibdew it-taħditiet kummerċjali u li ‘il-partijiet interessati għadhom ma waslux nofs-triq’.

Intant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ukoll tkellmet wara s-summit iżda ma qalitx ‘x’inhu lest li jħallas ir-Renju Unit għas-separazzjoni mill-UE’ waqt li sostniet li ‘l-ftehim finanzjarju se jsir bħala parti minn ftehim finali mal-Unjoni’. Filwaqt li May ukoll qalet li r-rapporti tal-istaġnar bejn l-UE u Londra kienu eżaġerati hi tinsab ‘ottimista’ li l-ftehim jintlaħaq anki jekk tammetti li t-triq ‘il quddiem għadha twila.