Internazzjonali

Il-Ġermanja: Jarrestaw raġel wara attakk fi Munich

Il-Pulizija fi Munich, fil-Ġermanja, arrestat raġel fuq suspett li darab ħames persuni wara li xejjrilhom diversi daqqiet ta’ sikkina.

L-attakk  — li jingħad li seħħ b’mod indiskriminattiv, bir-raġel ma jiddistingwix bejn vittma u oħra — seħħ kmieni dalgħodu qrib l-istazzjon ta’ Rosenheimer Platz, fi Munich. L- iskop warajh kien għadu mhux magħruf, anki jekk  l-awtoritajiet ma kienu qed jeskludu l-ebda possibbiltà.

Il-midruba, aktar tard, kienu konfermati bħala erba’ irġiel u mara. Sar magħruf li ħadd minnhom ma jinsab f’periklu li jitlef ħajtu.

Ir-raġel suspettat ħarab mis-sit dritt wara l-attakk u t-tfittxija intensiva għalih damet għaddejja s-sigħat. Dan waqt li r-residenti qrib l-istazzjon inkwistjoni kienu mwissija biex ma joħorġux mid-djar tagħhom.

L-ewwel rapporti dwar is-suspettat fil-każ irreferew għal raġel ta’ 40 sena li kien qed iġorr backpack u li ħarab b’rota mill-inħawi, dritt wara l-attakk.

Sadanittant, kelliema għall-Pulizija fi Munich qalu li r-raġel arrestat ‘kien jixbaħ ħafna d-deskrizzjoni tal-aggressur li tawhom in-nies f’dak is-sit’, anki jekk ma ħarġet l-ebda konferma, mija-fil-mija, li huwa l-aggressur proprju.