Lokali Qtil Politiku

Jitħabbru l-kundizzjonijiet għar-rigal biex jinstab min qatel lil Daphne Caruana Galizia

Aqra l-kundizzjoni għar-rigal ta' miljun ewro biex jinstab min qatel lil Daphne Caruana Galizia

Fi stqarrija ppubblikata mill-Gvern, qal li se jittieħdu miżuri straordinarji biex jissolva l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – għalhekk se tittieħed miżura bla preċedent li tikkonsisti f’rigal ta’ miljun ewro lil min jersaq biex jagħti informazzjoni lill-Pulzija li twassal sabiex jiġi jew jiġu identifikati l-persuni responsabbli minn dan id-delitt.

Il-Gvern stqarr li min jgħaddi din l-informazzjoni jingħata protezzjoni biex jixhed dak kollu li jaf quddiem il-Maġistrat Inkwerenti u fl-istadji meħtieġa.

Wieħed jista’ jgħaddi wkoll l-informazzjoni lill-Pulizija b’mod kunfidenzjali u xorta waħda jkun ukoll eleġibbli għar-rigal sakemm dik l-informazzjoni tkun sostnuta minn provi oħra indipendenti u twassal biex jiġi identifikat min wettaq id-delitt.

L-istqarrija tgħid li l-Gvern mhux se jiddeċiedi hu jekk l-informazzjoni jew ix-xhieda tkunx suffiċjenti u tkunx kredibbli iżda l-punt ta’ riferiment se jkun dejjem ir-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali li huwa att ta’ awtorità ġudizzjarja indipendenti. Ir-reward jitħallas biss abbażi ta’ dan ir-rapport.

Min ikun irid jersaq biex jagħti l-informazzjoni jista’ jċempel fuq in-numru 22942008 jew email: crimeinfo.police@gov.mt.

Il-kundizzjonijiet għar-rigal huma dawn:

Il-Gvern qed joffri li jħallas rigal ta’ EUR 1 miljun lil min jagħti informazzjoni konkreta lill-Pulizija li twassal biex jiġi identifikat  jew jiġu identifikati l-persuni responsabbli bħala awtur, ko-awtur jew kompliċi fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia li seħħ nhar is-16 ta’ Ottubru 2017.

Hija kundizzjoni ta’ din l-offerta illi min jagħti l-informazzjoni jrid jgħid il-verità kollha u jixhed bil-ġurament dak kollu li jaf dwar dan l-omiċidju quddiem il-Maġistrat Inkwirenti, u fi stadji ulterjuri ta’ proċess jew proċessi kriminali.

Persuna li jkollha informazzjoni dwar id-delitt li ma tkunx lesta tixhed għax tkun trid li l-identità tagħha  tibqa’ kunfidenzjali tista’ tagħti l-informazzjoni lill-Pulizija u tikkwalifika wkoll biex tingħata r-rigal jekk jirriżulta mir-rapport tal-Maġistrat Inkwirenti li l-informazzjoni li dik il-persuna tkun tat tkun realment u konkretament wasslet sabiex jiġi identifikat jew jiġu identifikati l-persuna jew persuni li għandhom jirrispondu għall-akkużi dwar id-delitt u tkun sostnuta minn provi indipendenti oħrajn li jikkonfermew il-ġenwinita’ tagħha.

Il-ħlas ikun ibbażat biss fuq ir-rapport tal-Maġistrat Inkwirenti dwar jekk ix-xhieda jew l-informazzjoni li tkun ingħatat kinitx kredibbli u wasslitx biex jiġu identifikati l-persuna jew persuni li għandhom jirrispondu għall-akkuzi dwar id-delitt.