Ħamest ijiem wara li qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – l-għada li nfetħet it-triq hekk kif tneħħiet l-evidenza minn fuq il-post – bosta nies ikomplu jmorru jagħtu rispett u solidarjeta’ bit-tqegħid ta’ fjuri u messaġġi fil-post fejn ħadet il-bomba, u qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
Jispikkaw żewġ messaġġi – “Ma ninsewk qatt” u “il-pinna tiegħek iktar b’saħħitha mill-bmba. Dak li ktibt u dak li kxift ma jintesiex.”
Fl-isfond il-ħsejjes fir-raba’. Il-bdiewa rritornaw jaħartu l-għelieqi. Imma l-ħajja hi ferm bogħod min-normalità.
Mal-art fit-triq għad hemm jidru ċari l-marki tal-isplużjoni. Mal-mogħdija lejn ir-residenza tal-familja Caruana Galizia għad hemm l-għassa. Fil-post nies ġejjin u sejrin iħallu x-xemgħat u l-fjuri. Il-ġurnalisti, fotografi u cameramen barranin fil-post ma jaqtgħu xejn.
L-investigazzjonijiet ikomplu. Fil-post il-Maġistrat Anthony Vella rritorna wara nofsinhar. Sadattant il-ġurnal Times of Malta żvela li karozza suspettuża dehret viċin tal-post fejn seħħ il-qtil, u ġie rrappurtat li l-karozza aktarx ġiet użata biex minnha intbagħat is-sinjal biex il-bomba tislpodi.
Din il-karozza dehret bejn l-għelieqi, ftit il-bogħod mill-bini. Skont is-sorsi ta’ the Times of Malta – jidher li l-karozza qed tiġi investigata mill-Pulizija, u aktarx li fiha kien hemm sigaretti u biċċiet oħra ta’ evidenza li fuqhom qed isiru testijiet tad-DNA.
Intant, nhar it-Tnejn fit-tlieta’ ta’ waranofsinhar se tiġi ċċelebrata quddiesa mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-knisja tal-Bidnija.
L-Arċisqof appella biex il-poplu Malti jingħaqad fit-talb għal din il-ġurnalista li sfat maqtula.
Għada wkoll, se tiġi organizzata dimostrazzjoni bit-tema ‘Ġustizzja’ fl-4 ta’ waranofsinhar fid-daħla tal-Belt Valletta. Din id-dimostrazzjoni qed tiġi organizzata mis-Civil Society Network wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Għal din id-dimostrazzjoni hu mistieden il-pubbliku u wkoll l-NGOs lokali kollha, l-organizzazjonijiet li jiffurmaw parti mis-soċjeta’ ċivili u l-partiti politiċi.


