L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ħatret lill-President taż-Żimbabwe, Robert Mugabe, bħala Ambaxxatur ta’ Rieda Tajba ( goodwill ambassador) biex jgħin fil-kampanja kontra l-mard li ma jitteħidx.
Intant, il-grupp Human Rights Watch, ibbażat l-Istati Uniti, qal li hi xi ħaġa embarazzanti li Mugabe jingħata dan ir-rwol ambaxxatorjali meta wieħed jiftakar ir-rekord fqir tiegħu fir-rigward tad-drittijiet umani. Id-direttur eżekuttiv ta’ Human Rights Watch, Kenneth Roth qal li ‘il-korruzzjoni ta’ Mugabe u l-mod ħażin kif hu mexxa lill-ekonomija ta’ pajjiżu ħallew impatt devastanti fuq is-servizzi tas-saħħa fiż-Żimbabwe’.
Mill-banda l-oħra, il-Kap ġdid tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, faħħar liż-Żimbabwe għall-impenn għall-ħarsien tas-saħħa pubblika. Dan waqt li l-kritiċi qalu li s-sistema għall-kura tas-saħħa taż-Żimbabwe ikkrollat, waqt li sostnew il-fatt li Mugabe u ħafna mill-Ministri tiegħu jsiefru għal trattament mediku. Akkuża oħra hi l-istaff fil-qasam mediku taż-Żimbabwe ta spiss ma jitħallsux u li naqsu l-mediċini fil-pajjiż.
Tedros Adhanom Ghebreyesus, li ġej mill-Etjopja, hu l-ewwel Afrikan li qed imexxi l-WHO u qed jieħu post Margaret Chan, li, f’Ġunju, warrbet mill-kariga li damet fiha għal għaxar snin. Intant, hu, issa qed ifaħħar liż-Żimbabwe bħala ‘pajjiż li, fost oħrajn, jibbaża l-politika fuq il-promozzjoni tas-saħħa minbarra li jipprovdi kura lil kulħadd’.
//= $special ?>

