– Robert Cutajar, PN
Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li hawn falliment fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż li flok jagħmlu xogħlhom fl-interess tal-poplu qed jibqgħu siekta. Illum dak li kien ħażin sar jingħad li hu tajjeb, bi gvern li daħħal din il-kultura apposta u bi skop.
Fil-parlament Robert Cutajar qal li l-poplu ma jistax jistenna aħjar għax fil-pajjiż il-valuri tas-sewwa u tal-onesta spiċċaw. Għal uħud, dawn saru inkonvinjent. Illum l-istituzzjonijiet huma mmexxija minn pupazzi tal-gvern. Min suppost sikket il-ħażen għalaq għajnejh.
Robert Cutajar kompla li l-Oppożizzjoni dejjem tkellmet kontra l-korruzzjoni u favur l-onestà politika. Il-poplu Malti mhux jgħix f’pajjiż normali u llum il-poplu qed jirrealizza dan kollu. Il-poplu sar konxu minn dan kollu meta kellu jitħallas prezz bil-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia. Illum il-pajjiż ikkollassa. Il-pajjiż illum ħa xokk bil-qtil ta’ Daphne wara li għal snin twla kien illuppjat b’ċirkostanzi.
Minkejja t-telfa elettorali, il-PN ma jħossux umiljat għaliex jemmen li l-istorja għad ittih raġun għaliex il-pajjiż mhux miexi sew. F’Jannar 2013, l-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi kien qal li mal-PN tiftaħar li int Malti, taħt il-Labour il-poplu jistħi li hu Malti. Din kienet dikjarazzjoni li toqgħod eżatt mas-sitwazzjoni li l-pajjiż jinsab fiha.
Id-deputat Nazzjonalisti kompla li l-Gvern ma tax widen għall-appelli tal-Oppożizzjoni u sostna li quddiem is-sitwazzjoni preżenti għandu jkun hemm ir-riżenji tal-Kummissarju u tal-Avukat Ġenerali. Dan għandu jsir għaliex il-pajjiż jixraqlu aħjar.
Fil-politika għad hawn post għal min hu onest, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-poplu qed jistenna mod ieħor mingħand il-politiċi. Id-destin issa jinsab f’idejn il-poplu Malti. Illum ħadd ma jiddubita li l-pajjiż daħal fil-ħajt; l-istorja qed tagħti raġun lill-PN li kien wissa dwar dan.
Robert Cutajar appella lill-poplu Malti li għadu mhux jifhem dak li ġara fil-pajjiż u f’liema triq miexi fiha l-pajjiż. Hawn min il-qtil ta’ Daphne ma fissret xejn għalih. Hu sellem lill-ġurnalisti filwaqt li kkwota lil Paolo Borsellino fejn qal li l-element ta’ biża’ jaħkem lil kulħadd, anki lill-ġurnalisti li jkunu qed jagħmlu xogħolhom, imma għalhekk hu importanti li din il-biża tkun akkumpanjata mill-kurraġġ. Il-mixja li mxiet Daphne ma kinitx fl-interess tagħha iżda fl-interess tal-pajjiż. Hu appella biex dak li ħadmet fuqu Daphne ma jinqeridx.
//= $special ?>