– Therese Comodini Cachia, PN
Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li minkejja l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-gvern jibqa’ jgħatti l-korruzzjoni.
Fil-parlament d-deputat Nazzjonalista qalet li hi irrabbjata ħafna għal-qtil ta’ mara ġurnalista tajba ħafna. Wara x-xokk tiġi r-rabja u għalhekk jien ukoll irrabbjata. L-istorja se tiġġudikana l-iktar fuq dak li għamilna u fuq dak li m’ għamilniex ftit qabel il-mewt tagħha.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li kien hemm indiċenti oħra fil-konfront tal-ġurnalisti fejn esponenti tal-gvern ma jweġbux il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Il-gvern issa qed isejjaħ għall-għaqda meta qed iħalli li min idaħħal dubju u jibqa’ jgħatti l-korruzzjoni.
Il-maġġoranza f’dik l-għaqda qed titlob il-waqfien tal-korruzzjoni u biex il-gvern jerfa’ r-responsabbilta politika billi jirriżenja l-Prim Ministru. Dan hu żmien fejn ħadd m’għandu jibqa’ sieket; il-politiċi għandhom responsabbilta kbira ħafna.
Therese Comodini Cachia qalet li li min żeblaħ lil Daphne Caruana Galizia hu ħati tal-qtil bħal ma hu min qallha hateblogger. Huma ħatja wkoll dawk kollha li ma waqqfux lil min żeblaħ lil Daphne. Hi kkritikat lill-gvern u l-istituzzjonijiet għall-mod kif ma investigawx il-korruzzjoni u qed jinħbew wara l-kliem ħelu meta l-maġġoranza tal-poplu jinsab għaddej minn xokk.
Therese Comodini Cachia qalet li dan mhux qtil sempliċi għaliex hu qtil li ilu ġej. Lil Daphne qatilha ftit ftit kull minn naqqsilha mill-udjenza tagħha u mil-livell ta’ kemm titwemmen il-kitba tagħha. Kien dan il-gvern immexxi minn Joseph Muscat li kisser l-istituzzjonijiet u ġab il-mibgħeda fuq Daphne. Kien dan il-gvern li kien jitkellem dwarha b’mod xejn dinjituż.
Id-deputat Nazzjonalista sostniet li l-gvern ta’ Muscat hu ħati għall-qtil għax ħalla l-korruzzjoni tirkbu u meta kien qed jara r-rapporti tal-Avukat Ġenerali u mill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni iżda jippermetti li ma tintrefa’ l-ebda responsabbiltà politika. Il-Prim Ministru jeħtieġ iwaqqaf il-korruzzjoni; in-nies involuti jinsabu viċin tiegħu u jaf fejnhom.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern ried li web sites bħal dik ta’ Daphne Caruana Galizia jkunu reġistrati mal-Istat waqt li esponenti tal-gvern żarmaw l-assi ta’ Daphne Caruana Galizia b’mandatt ġudizzjarju. Huma riedu jkissrulha l-familja billi jiffriżawla l-assi. Hi sostniet li d-deputat Mexxej Laburista qabeż il-linja meta għamel il-mandati kontra Daphne.
Therese Comdoini Cachia tkellmet dwar l-importanza ta’ tmexxija ġusta u demokratika, li ma tibżax minn istituzzjonijiet indipendenti u li jkollha tmexxija minn persuni ta’ karattru fejn l-opinjnijiet isiru parti mid-djalogu soċjali. Il-gvern ma jafx jistħu; jiddemonizza dak li hu tajjeb.
Għall-Prim Ministru ma jimpurtax li politiċi jiftħu kumpaniji l-Panama tliet wara l-elezzjoni. Qed napplikaw liġi għall-alllat u liġi għall-poplu normali f’pajjiż fejn ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà u kollox ikun normali għal min jipparteċipa fil-kriminalita.
Il-poplu qed jistenna li verament l-aqwa żmien għadu ġej. Illum kolox sar xejn mhu xejn. Din hi wkoll is-sitwazzjoni fl-iskjjel fejn l-għalliema qed ikunu trattati u mhedda anki minn ġenituri li jmorru jirraportawhom lill-ministru. Ħadd ma jista’ jippretendi li l-edukazzjoni titjieb quddiem din is-sitwazzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern qed jidħak bin-nies meta jgħid li jrid isolvi l-problemi tal-għalliema. Hi semmiet il-każ ta’ korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u qalet li għall-persuna involuta instabu l-fondi iżda għall-għalliema m’hemmx.
Hi qalet li l-Ministru tal-Edukazzjoni ma’ tax l-appoġġ lil Rizzo biex imexxi l-FTS ‘il quddiem iżda ta protezzjoni lil Caruana, li skont Rizzo kien qed jagħmel il-ħażin. Ħafna kapijiet tal-iskejjel jilmentaw li ma jsibu l-ebda appoġġ mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Fil-każ ta’ Caruana hemm provi sostanzjali biex jittieħdu passi iżda l-gvern jibqa’ jimlilu butu. Mal-għalliema l-Gvern qed juża l-mannara. Mhux ta b’xejn il-gvern qed iwiegħed biss li jerġa’ jibni l-istess skejjel li kien għamel qabel.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li hemm għalliema li issa mhux jafdaw lill-gvern u qatgħu qalbhom mir-rieda tal-Ministru li mhux iwettaq dak li jwiegħed. Il-gvern qed jgħid lill-għalliema li dak li jagħmlu huma jistgħu jagħmluh l-istudenti.
Dwar l-istituzzjonijiet, Comdini Cachia qalet li dawn għandhom ikunu serji u ma jinxtrawx.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni missu qara l-ittra li d-direttur tiegħu stess kiteb dwar il-qtil ta’ Daphne flok ikkummenta kif ikkummenta wara l-qtil. Hi qalet li kellu jissejjaħ jum ta’ luttu nazzjonali biex jibgħat messaġġ ta’ appoġġ lill-ġurnalisti u esprimiet appoġġ għal kull ġurnalist li jikxef il-ħażen fis-soċjetà.
//= $special ?>