Lokali

Numru ta’ vetturi vvandalizati fil-Kappara

Numru ta’ residenti dalgħodu qamu xxukkjati meta skoprew jew ġew infurmati li waħda mill-ħġiġiet tal-vettura tagħhom li kienet ipparkjata ħdejn ir-residenza tagħhom fil-Kappara matul il-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt sfat il-mira ta’ att bla sens minn xi vandalu jew vandali.

Il-Pulizija ta’ San Ġiljan ġiet infurmata u qed tinvestiga. Residenti qalulna li ilhom jitolbu lill-Pulizija biex possibilment matul il-lejl jagħmlu ronda fit-toroq, possibilment bil-miexi, iżda jidher li dan l-appell waqa’ fuq widnejn torox.

Ir-residenti qaluluna li ftit tax-xhur ilu kienet ġiet innutata karozza bajda mingħajr number plates ipparkjata f’waħda minn dawn it-toroq matul xi ljieli konsekuttivi li fiha kien ikun hemm żewż persuni.

Dwar dan il-każ ukoll il-Pulizija ta’ San Ġwann kienet ġiet infurmata. Jidher li lanqas f’dan il-każ ma ttieħdu l-passi meħieġa għalkemm ġew infurmati meta l-karozza kienet għadha pparkjata fil-post biż-żewġ persuni fiha.