Internazzjonali

Spanja: Ippjanata t-tneħħija tal-Mexxejja Katalani flimkien ma’ elezzjonijiet fil-Katalonja

 

Il-Prim Ministru ta’ Spanja, Mariano Rajoy, fassal pjani biex jitneħħew il-Mexxejja ta’ Katalonja u biex il-Gvern ta’ Madrid jieħu kontroll ta’ dak ir-reġjun separatista li ftit ġimgħat ilu ivvota favur l-indipendenza mill-bqija tal-pajjiż.

Meta tkellem wara laqgħa ta’ emerġenza għall-Kabinett f’Madrid, Rajoy ma ħabbarx ix-xoljiment tal-Parlament ta’ Katalonja iżda, fl-istess ħin, ressaq pjani biex isiru l-elezzjonijiet fir-reġjun. Il-miżuri issa jridu jkunu approvati mis-Senat ta’ Spanja fi kwistjoni ta’ jiem.

Il-pjani tħabbru wara li l-Mexxej Katalan, Carles Puigdemont, kien injora t-talbiet ta’ Madrid biex jirtira l-impenn għall-indipendenza ta’ Katalonja.  Mariano Rajoy, illum, qal li l-Gvern Spanjol ma kellux għażla ħlief li jimponi amministrazzjoni diretta fuq Katalonja filwaqt li fisser l-azzjonijiet tal-Gvern Katalan bħala eżerċizzju li jmur kontra l-liġi u li kien intiż biex jixpruna l-konfrontazzjoni.

L-amministrazzjoni diretta fuq Katalonja għandha ssir permezz ta’ Artiklu 155 tal-Kostituzzjoni ta’ Spanja li tippermetti pass ta’ dan it-tip kulmeta jkun hemm krizi fi kwalunkwe wieħed mir-reġjuni semi-awtonomi tal-pajjiż.

L-Artiklu jgħid li f’każ li l-Gvern ta’ reġjun Spanjol jaġixxi b’mod li jhedded serjament l-interess ġenerali ta’ Spanja, l-awtorità f’Madrid kapaċi tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jobbligaw ir-reġjun inkwistjoni ħalli jieqaf mill-aġir.

Filwaqt li s-Senat Spanjol mistenni jivvota fi żmien ġimgħa, Mariano Rajoy qal li ma kenitx ix-xewqa tal-Gvern tiegħu li jattiva l-artiklu inkwistjoni. Filwaqt li l-liġi Spanjola tesiġi biex l-elezzjonijiet isiru fi żmien sitt xhur wara li jkun attivat Artiklu 155, Rajoy tenna l-importanza li ‘il-vot għal Katalonja’ isir ħafna qabel.

Il-Partit Popolari ta’ Rajoy igawdi maġġoranza fis-Senat ta’ Madrid u dan ifisser li għandhom jgħaddu l-proposti sinifikanti mil-laqgħa ta’ emerġenza tallum.

Il-Gvern reġjonali ta’ Katalonja, fl-1 ta’ Ottubru, kien organizza referendum fejn ir-residenti tar-reġjun kellhom jagħżlu l-istatus quo inkella s-separazzjoni mill-kumplament ta’ Spanja. Madwar 90 fil-mija fost it-43 fil-mija tal-Katalani li ħadu sehem fir-referendum ivvutaw favur l-indipendenza, iżda kien hemm ukoll ħafna Katalani li huma kontra s-separazzjoni u li bojkottjaw il-ballottaġġ.