Lokali Qtil Politiku

“Aħna kompliċi jekk inħallu l-istituzzjonijiet ikomplu jitmermru” – Claudine Cassar

“Jekk nibqgħu naċċettaw it-tmermir tal-istituzzjonijiet, aħna kompliċi. Jekk inħallu l-mewt ta’ Daphne jgħaddi qisu xejn mhu xejn, aħna kompliċi.” Qalet dan Claudine Cassar, kelliema waqt il-protesta nazzjonali għall-ġustizzja.

“Aħna lkoll għandna vuċi. U għandna d-dmir li nużaw din il-vuċi biex ninsistu għal bidla fil-pajjiż,” qalet Claudine Cassar. “Għax aħna għandna dritt li jkollna Korp tal-Pulizija li nistgħu nafdaw fih. Għandna dritt li l-Korp ikun immexxi minn Kummissarju li nistgħu nirrispettaw. Għandna dritt li jkollna Avukat Ġenerali u Ġudikatura Indipendenti,” żiedet tgħid.

Claudine Cassar qalet li ma nistgħux inkomplu naċċettaw li isem pajjiżna jsir sinonimu internazzjonalment mal-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-mafja.

Claudine Cassar qalet li għal ħafna snin, il-pajjiż kien sar dipendenti fuq Daphne Caruana Galizia, li kienet tkun fuq ta’ quddiem nett biex tissielet kontra l-medjokrità, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Żiedet li minkejja s-sens li m’għadx għandna vuċi, il-poplu jqum u b’vuċi waħda jitlob li ssir bidla u ġustizzja.

“Iva, qegħdin fi żmien ikrah għall-pajjiż. Imma jekk ningħaqdu, nistgħu nġibu l-bidla u mmexxu l-pajjiż ‘il quddiem,” qalet Claudine Cassar waqt li fissret kif madanakollu tifhem is-sens ta’ vojt li qed iħoss il-poplu wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.