Lokali Qorti

Appell biex il-Qorti tibgħat messaġġ li inċidenti bħal dan m’humiex tollerati

L-Ispettur Johann Fenech, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni talab lill-Qorti tibgħat messaġġ ċar li Malta mhux pajjiż tal-“wild west” hekk kif dalgħodu tressaq raġel akkużat li spara tir f’Ħal Għaxaq.

Victor Psaila ta’ 42 sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Marseann Farrugia akkużat li spara tir fl-arju. Dan bħala ġest ta’ frustrazzjoni għax-xogħolijiet li qed isiru qrib ir-residenza tiegħu.

L-Avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech qal li t-talbiet tal-klijent tiegħu lill-ġirien, kif ukoll rapporti lill-Awtorita’ Għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u l-Awtorita’ tal-Ippjanar waqgħu fuq widnejn torox. Kompla li l-akkużat, li għandu l-liċenzja biex iżomm l-arma, ma kellu ebda intenzjoni li jweġġa’ lil xi ħadd meta spara tir fl-ajru mill-bejt tad-dar tiegħu.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Fenech qal li r-raġel seta faċilment kellem lill-pulizija u qal li ċ-ċomb seta’ weġġa lil xi ħadd.

L-Ispettur oppona t-talba għall-ħelsien mill-arrest u talab lill-Qorti biex tibgħat messaġġ li Malta mhux pajjiż tal-“wild west” li jittollera inċidenti bħal dawn.

Il-Maġistrat Farrugia ċaħdet it-talba għall-liberta’ proviżorja u qalet li l-inċident kien wieħed serju li seta kellu konsegwenzi iktar serji.