Lokali Qtil Politiku

ARA: Il-klima li wasslet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-gazzetta The Sunday Times of Malta ppubblikat grafika li tagħti ħarsa lejn numru ta’ ċirkostanzi f’pajjiżna li ħolqu l-klima li fiha nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-grafika hija forma ta’ ċrieki, li kollha jippuntaw lejn iċ-ċirku tan-nofs: il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-ħsieb wara l-grafika ġie minn intervista li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu fil-jiem li għaddew fuq l-istazzjon CNN, fejn meta mistoqsi dwar jekk jarax konnessjoni bejn il-qtil u l-allegazzjonijiet dwar il-Gvern tiegħu, il-Prim Ministru wieġeb: “I fail to connect the dots”.

Imma skont The Times, permezz tal-grafika, hemm numru ta’ ċirkustanzi li wasslu għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fost dawn hemm il-mod kif l-Avukat Ġenerali ġie kkastrat, il-mod kif il-Korp tal-Pulizija mtela b’nies tal-qalba, il-mod kif intgħażel Kummissarju tal-Pulizija kompliċi mal-Gvern, in-numru kbir ta’ ftehim suspettużi ma’ nies suspettużi, il-mod kif il-Prim Imħallef ġie injorat, il-mod kif tħalla jsir il-ħasil tal-flus, il-mod kif informazzjoni nżammet moħbija mill-pubbliku, il-mod kif il-Forzi Armati ta’ Malta nbidel f’każin tal-Labour, il-mod kif pajjiżna sar jagħmel ħbieb mad-dittaturi, il-mod kif iddgħajfet l-MFSA, il-mod kif tkissret l-indipendenza tal-FIAU, il-mod kif il-korruzzjoni saret aċċetta u l-mod kif il-Gvern jixtri l-lealtà u s-silenzju.

Skont The Times, dawn u oħrajn ħolqu l-klima li ppermetta biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.