Wara li tilfu kontra Roma u Inter u spiċċaw draw fl-Europa League kontra AEK Athens, Milan reġgħu naqsu milli jirbħu f’San Siro wara li spiċċaw fi draw ieħor ta’ mingħajr gowls kontra Genoa.
Juventus u Lazio ħadu vantaġġ mid-draw bejn Napoli u Inter, b’Juventus jiksbu rebħa kbira f’Udine minkejja li lagħbu ħafna ħin b’raġel anqas. Lazio għelbu lil Cagliari b’Ciro Immobile jerġa’ jispikka.
BERGAMO – Atalanta kisbu rebħa minima f’darhom biex inqatgħu aktar mit-timijiet ta’ isfel. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fil-71 minuta permezz ta’ ANDREAS CORNELIUS. Bologna spiċċaw il-logħba b’raġel anqas wara li tkeċċa Giancarlo Gonzalez fit-80 minuta.
BENEVENTO – Fiorentina telgħu fid-disa’ post b’rebħa ta’ 3-0 kontra t-tim tal-qiegħ Benevento. MARCO BENASSI fetaħ l-iskor fit-18-il minuta u KHOUMA BABACAR irdoppja fis-47 minuta. CYRIL THEREAU għalaq il-logħba fis-66 minuta minn penalty.
VERONA – Chievo kisbu rebħu d-derby ta’ Verona 3-2. Kienu Verona li marru minn fuq wara sitt minuti b’gowl ta’ DANIELE VERDE, iżda Chievo ġabu d-draw fit-23 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ ROBERTO INGLESE. L-istess plejer poġġa lil Chievo fil-vantaġġ man-nofs siegħa logħob permezz ta’ penalty.
Verona ġabu d-draw fil-55 minuta meta ngħataw penalty wara li l-ballun ħabat ma’ id Gamberini, deċiżjoni li kienet konfermata bil-VAR. Mill-11-il metru, l-attakkant GIANPAOLO PAZZINI skorja b’xutt fil-baxx. Madankollu kellu jkun il-veteran SERGIO PELLISSIER li skorja l-gowl tar-rebħa fit-73 minuta, meta daħal tajjeb għal kross mil-lemin.
RUMA – Lazio jinsabu tliet punti bogħod mill-quċċata wara li għelbu lil Cagliari 3-0. Penalty ta’ CIRO IMMOBILE fetaħ l-iskor wara seba’ minuti, biex l-istess CIRO IMMOBILE rdoppja fil-41 minuta. BASTOS għalaq il-logħba bit-tielet gowl fid-49 minuta.
MILAN – Milan komplew bl-aħħar riżultati negattivi meta spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Genoa f’San Siro. L-aktar azzjoni li spikkat fil-logħba kienet dik fl-24 minuta meta r-referee Giacomelli keċċa lill-captain ta’ Milan Leonardo Bonucci wara daqqa ta’ minkeb hu u dieħel fil-kaxxa, deċiżjoni li kienet konfermata bil-VAR.
FERRARA – Sassuolo kisbu rebħa fondamentali meta għelbu lil Spal 1-0 f’konfront dirett biex inqalgħu miż-żona l-ħamra. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fl-ewwel minuta minn MATTEO POLITANO. Huma fallew penalty fit-83 minuta minn Domenico Berardi, b’Francesco Cassata jitkeċċa lejn it-tmiem.
TURIN – Roma kisbu rebħa importanti meta għelbu lil Torino 1-0 barra minn darhom. Il-gowl deċiżiv wasal fid-69 minuta bi free-kick perfett ta’ ALEKSANDAR KOLAROV.
UDINE – Juventus urew il-kwalità tagħhom meta għelbu lil Udinese 6-2 f’logħba missielta. STIPE PERICA poġġa lil Udinese fil-vantaġġ fit-tmien minuta, iżda sitt minuti wara, Juventus ġabu d-draw b’awto-gowl ta’ Samir, biex SAMI KHEDIRA poġġa lil Juventus fil-vantaġġ fl-20 minuta. Juventus kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fis-26 minuta wara li tkeċċa Mario Mandzukic.
DANILO ġab id-draw fis-47 minuta, iżda Juventus kienu pronti u reġgħu marru minn fuq permezz ta’ DANIELE RUGANI ħames minuti wara. SAMI KHEDIRA għamilhom 4-2 mas-siegħa logħob, biex l-istess SAMI KHEDIRA għaqqad it-tripletta bil-ħames gowl fis-87 minuta. MIRALEM PJANIC skorja s-sitt gowl fid-90 minuta.
//= $special ?>