Lokali Qtil Politiku

FILMAT ESKLUSSIV: “Il-Gvern ma ħallinix nidħol Malta wara li tkellimt fuq il-qtil ta’ Daphne”

"Il-Gvern għandu jiffaċċja l-konsegwenzi meta din il-ġurnalista tinqatel u jerfa' r-responsabbilta' li ma tahiex protezzjoni"

Senatur Taljan, membru tal-Kummissjoni Anti-Mafia, twaqqa’ mid-delegazzjoni li għandha żżur Malta għada wara li l-Gvern Malti iddikjara lil dan is-Senatur bħala ‘persona non grata’.

Dan tħabbar mis-Senatur stess f’intervista ma’ Net News, rapportata wkoll fuq il-media Taljana. F’kummenti, is-Senatur Mario Giarrusso qal li “minħabba l-kritika tiegħu dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Rosy Bindi (il-Kap tal-Kummissjoni Anti-Mafia) waqqgħetni mid-delegazzjoni fuq talba speċifika tal-Gvern Malti.”

L-intervista’ saret fil-Provinċja ta’ Enna mill-ġurnalisti ta’ Net News flimkien mat-tim tal-produzzjoni tal-programm Net Live. Fil-fatt, l-intervista sħiħa se tixxandra b’mod esklussiv fil-programm ta’ għada filgħaxija.

Is-Senatur minn Katanja, elett f’isem il-Movimento 5 Stelle qal li hu inkredibbli li “Gvern Ewropew jirrifjuta li jospita Membru Parlamentari ta’ pajjiż ħabib minħabba l-pożizzjoni li ħa wara li ġurnalista nqatlet minħabba l-investigazzjonijiet skomdi dwar il-korruzzjoni f’Malta.”

Giarrusso kien stqarr li “hu ta’ gravita’ enormi li Stat ma jipproteġix ġurnalista li rrapportat theddid fuq ħajjitha u li hu ovvju li dak l-iStat għandu jiffaċċja l-konsegwenzi meta din il-ġurnalista tinqatel u jerfa’ r-responsabbilta’ li ma tahiex protezzjoni.

Iż-żjara tat-tim ta’ Net TV fi Sqallija saret possibbli grazzi għall-Virtu’ Ferries.