“Daphne Caruana Galizia messha tat każ it-twissijiet tagħha stess u ħarbet mill-pajjiż”. Il-whistleblower Russa li għaddiet l-informazzjoni dwar Egrant qalet dan f’kummenti lill-gazzetta The Sunday Times of Malta.
Il-whistleblower kienet kruċjali f’ħafna mill-istejjer ippubblikati mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-iskandlu tal-Panama tant li mill-bank Pilatus kienet għaddiet dokumenti li skont Daphne Caruana Galizia, juru li l-kumpanija sigrieta Egrant hija tal-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Ma’ The Times, il-whistleblower qalet li Daphne Caruana Galizia kienet dejjem tesprimi tħassib dwar is-sigurtà tal-istess whistelblower. Filfatt, il-whistleblower kienet semgħet minn Daphne Caruana Galizia u ħarbet minn Malta f’Ġunju li għadda mal-familja tagħha.
“Tlaqt minn Malta biex nipproteġi l-familja tiegħi fir-Russja. Daphne messha għamlet l-istess,” qalet il-whistleblower fil-kummenti tagħha lil The Times.
Fl-istess kummenti, il-whistleblower żiedet tgħid li qed titlob lil Alla biex it-tfal ta’ Daphne Caruana Galizia jkollhom il-kuraġġ f’dan il-mument. Imma “Il-ġustizzja tirbaħ,” temmet tgħid il-whistleblower.
L-artiklu ta’ The Times ifakkar li fix-xhur li għaddew, kemm Daphne Caruana Galizia kif ukoll il-whistleblower Russa spiċċaw taħt pressjoni politika kbira minħabba l-istorja dwar Egrant. Daphne Caruana Galizia kienet irrappurtat ukoll li kienu għaddew mal-miljun dollaru mill-Ażerbajġan għall-kont bankarju tal-Egrant.
Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata nhar it-Tnejn b’karozza bomba barra d-dar tagħha fil-Bidnija.
//= $special ?>