Lokali

FILMAT: “Il-flus messhom intefqu biex ma tinqatilx” – Adrian Delia

Il-flus li qed jiġu offruti lil min jagħti informazzjoni dwar il-qtil politiku talġurnalista Daphne Caruana Galizia, messhom intużaw biex ma tinqatilx. Kien obbligu ċar tal-Gvern li joffri protezzjoni lil Daphne Caruana Galizia, iżda l-Gvern ma tax din il-protezzjoni. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’intervista fuq Radio 101.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ilu erba’ snin jgħid li Malta mhix pajjiż normali u li l-istituzzjonijiet qed jitnawwru. Hu ddeskriva l-qtil talġurnalista Daphne Caruana Galizia bħala assalt fuq il-libertà tal-kelma, u anke bħala qtil politiku għaliex il-ġurnalista ilha snin twal titkellem fuq ilpolitika. “Dan hu attakk ukoll fuq il-ħelsien tad-demokrazija, fuq il-libertà li kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu u jista’ jitkellem”, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li pajjiżna diġà għadda minn żmien ta’ dan it-tip meta n-nies ma setgħux jixtru l-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista. “Issa, iżda wasalna f’estrem fejn il-miżura li ttieħdet kontra xi ħadd li tkellem, kienet il-qtil,” qal Adrian Delia. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista mhux qed jgħid li l-mandant kien xi ħadd mill-politika, iżda l-Gvern hu responsabbli għall-fatt li fl-aħħar ħames snin, ħoloq ambjent ta’ xejn mhu xejn, fejn ħalla l-kontrolli jiddgħajfu u ħalla li f’pajjiżna jibdew ġejjin nies li ma nafux min huma, nkluż dawk li jixtru ċ-ċittadinanza. Hu fakkar li pajjiżna aċċetta li jiġi liċenzjat bank bħal Pilatus. “Meta tara l-affarijiet kollha flimkien, tinduna fiex ġabna dan il-Gvern,” qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Gvern biddel Kummissarju talPulizija wieħed wara l-ieħor sakemm sab wieħed li għażlu minħabba linkapaċitajiet tiegħu. Hu sostna li filwaqt li teżisti differenza bejn responsabbiltà kriminali u dik politika, l-Partit Nazzjonalista qed jitkellem dwar ir-responsabbiltà politika li għandhom jerfgħu l-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Dwar il-Kummissarju tal-Pulizija, Adrian Delia qal li dan falla biex jiprovdi s-sigurtà ta’ persuna li evidentament kellha bżonn li tiġi protetta. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Korp tal-Pulizija, minflok qiegħed hemm biex jiproteġina, ta l-komfort lil kriminali li jekk jagħmlu xi ħaġa, ma jkun ġara xejn.

Adrian Delia rrefera għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kummissarju talPulizija, li sostna, kienet waħda li tqabdek it-tkexkix. “Imma possibbli pajjiżna wasal f’dan l-istat?” staqsa Adrian Delia. Hu qal li l-konferenza talaħbarijiet mhux talli ma offrietx serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi, iżda in-nies spiċċaw jibżgħu aktar. Hawnhekk, hu rrefera għall-Prim Ministru li kienet ir-responsabbiltà tiegħu li jagħżel il-Kummissarju tal-Pulizija, u li kienet deċiżjoni tiegħu li ma jintgħażilx xi ħadd ta’ integrità u serjetà u li jagħmel dak li titlob il-liġi minnu. “Minflok, l-għażla saret li jkun hemm oġġett politiku f’idejn il-Gvern,” qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-aħbar tal-aħħar siegħat fejn Senatur Taljan li hu membru tal-Kummissjoni Anti-Mafia, qal li ma tħalliex jiġi Malta mill-Gvern Malti wara li kritika lill-istess Gvern wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Adrian Delia qal li fil-ġimgħa li n-nies qed jiġġieldu għal-libertà tal-espressjoni, l-Gvern qed jagħmel mod ieħor. “Hi xi ħaġa verament tal-biżà li meta għandna l-lenti internazzjonali kollha fuqna, lGvern jagħmel dikjarazzjoni kontra l-libertà tal-espressjoni. F’mument kritiku fl-istorja ta’ pajjiżna, nirrealizzaw li l-Gvern qed jagħmel affarijiet li jrid iġib il-pajjiżna fi stat totalitarju,” qal Adrian Delia.

Mistoqsi dwar l-insistenza tal-Oppożizzjoni biex tintrefa’ r-responsabbiltà politika, Adrian Delia qal li l-Prim Ministru kien ċar fil-Parlament li, la hu u lanqas il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali mhuma se jerfgħu rresponsabbiltà. Hu fakkar li meta staqsa lill-Ministru tal-Intern fil-Parlament, jekk għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija, dan baqa’ ma weġibx. Kif ma weġibx lanqas dwar jekk il-Gvern ħax il-miżuri kollha biex malli seħħ ilqtil, jingħalqu l-portijiet u l-ajruport biex dak li jkun ma jkunx jista’ jaħrab mill-pajjiż.

Dwar l-Avukat Ġenerali, Adrian Delia qal li dan tqiegħed f’pożizzjoni li ma jagħmel xejn. Hu spjega li b’dak li m’għamilx l-Avukat Ġenerali, bl-aġir talPrim Ministru u tal-Kummissarju tal-Pulizija, qed jikkrollaw l-istituzzjonijiet. Hu fakkar li din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni ma talbitx biex dawn jirriżenjaw u minflokhom jintgħażlu nies mill-Partit Nazzjonalista, iżda li terġa’ tinbena lfiduċja fl-istituzzjonijiet, u dan jista’ jsir biss jekk il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jintgħażlu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Hu sostna li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jibdew jiġu salvati jekk jittieħdu deċiżjonijiet fit-tul u mhux lejn leġiżlatura ta’ Gvern.

Adrian Delia qal li dawn huma affarijiet li jagħmlu ħsara kbira lil pajjiżna u lPartit Nazzjonalista ma jridx li jieħu vantaġġ politiku. Hu għalhekk li filwaqt li qiegħed jikritika, l-Partit Nazzjonalista qed ikun kawt għaliex jaf li pajjiżna jinsab taħt l-iskrutinju tad-dinja kollha. Madanakollu, hu fakkar li hemm min qed jieħu pjaċir li Malta ma tibqax ittimbrata bħala post sigur, u ta’ dan irid iġorr ir-responsabbiltà, l-Prim Ministru.

Adrian Delia qal li din il-ġimgħa, minflok tkellem dwar l-ideat tiegħu għal pajjiżna, spiċċa jiddefendi lil Malta mal-ġurnalisti barranin li qed jakkużaw lil pajjiżna bħala stat tal-mafja. Hu qal li qed jiddefendi lil Malta u jispjega għalfejn il-barranin għandhom ikomplu jiġu jinvestu f’Malta, u għalfejn itturisti għandhom għalfejn jibqgħu jiġu Malta għall-vaganza.

Wara l-qtil politiku ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Partit Nazzjonalista qed isaħħaħ id-determinazzjoni tiegħu li jkompli jitkellem, u jkun il-leħen tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista mhux se jiġi msikket, iżda se jiddefendi d-demokrazija u jsaħħaħ l-istituzzjonijiet, u se jkompli jiġġieled biex f’pajjiżna terġa’ tinġieb is-saltna tad-dritt. Il-Partit Nazzjonalista se juri li Malta hi pajjiż tal-valuri, tal-prinċipji u tal-gvernanza tajba.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li dak li ġara nhar it-Tnejn li għadda biddel għal kollox lil pajjiżna, fejn fost l-oħrajn, issa t-tfal saru jistaqsu jekk il-karozza hix sigura biex jirkbu fiha jew le. Hu sostna li kull min hu ta’ rieda tajba jrid ipoġġi bilqegħda biex jara Malta lejn liema direzzjoni sejra u jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn.