“Il-Pinna tirbaħ il-biża'” – il-messaġġ fil-faccata tal-gazzetti kollha tal-lum il-Ħadd. Messaġġ li, permezz tiegħu, il-midja lokali se tingħaqad f’messaġġ wieħed favur il-liberta` tal-espressjoni u l-liberta` tal-istampa fl-isfond tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li seħħ nhar it-Tnejn li għadda.
Din il-kampanja kienet imħabbra nhar il-Ħamis li għadda meta numru kbir ta’ ġurnalisti, edituri, fotografi u cameramen fost diversi professjonisti oħra fil-midja ngħaqdu flimkien f’manifestazzjoni b’saħħitha fil-Belt Valletta li matulha kkundannaw il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Permezz tal-messaġġ Il-Pinna tirbaħ lill-Biża’, ir-rappreżentanti kollha tal-midja lokali – ġurnalisti, xandara u preżentaturi – se jwasslu messaġġ qawwi ta’ determinazzjoni li ħadd u xejn mhu se jwaqqaf jew isikket il-ħidma fit-tfittxija għall-verita` fil-ħidma professjonali tal-ġurnalisti ta’ kuljum.
Illum, dan il-messaġġ se jintwera bis-sħiħ fuq il-mezzi kollha tax-xandir; l-istazzjonijiet, il-gazzetti, u s-siti elettroniċi. Is-sit elettroniku netnews.com.mt illum ukoll qed juri dan il-messaġġ u l-kulur tal-paġna ewlenija nbidel mill-blu għall-iswed b’rispett lejn Daphne Caruana Galizia.
Intant l-editorjali kollha tal-gazzetti tal-lum huma kollha dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – dan minbarra numru ta’ artikli minn diversi opinjonisti dwar dan l-assassinju.
//= $special ?>


