Lokali

Il-Pulizija jingħataw ordni jneħħu banners bil-kliem “Mafia State” li twaħħlu quddiem il-Parlament

Wara li aktar kmieni fid-daħla tal-Belt, quddiem il-Parlament twaħħlu banners bil-kliem “Mafia State” – Stat Mafjuż, il-Pulizija ngħataw ordni sabiex ineħħu dawn il-banners. Il-banners tneħħew f’temp ta’ 30 minuta.

Sa issa mhux magħrufa r-raġuni għaliex ingħatat l-ordni biex jitneħħew il-banners u minn min ingħatat din l-ordni. Jirriżulta li wieħed mill-Pulizija li kienu stazzjonati fi Pjazza Ħelsien, irċieva telefonata u kien hawn li għadda l-messaġġ biex jitneħħew il-banners.

Il-Pulizija wara dehru deħlin fil-Parlament bil-banners imma ħarġu ftit tal-ħin wara.

Avukati li tkellmu ma’ Net News qalulna li dak li għamlu l-Pulizija, li neħħew il-banners bil-kliem “Mafia state” kien illegali u li min waħħal il-banners ma’ kien għamel xejn ħażin.

Il-Banners twaħlu fl-isfond tad-diversi protesti wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, nhar it-tnejn li għadda.

Fl-4p.m. fil-Belt se ssir protesta nazzjonali titlob ġustizzja wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.