Lokali

L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia: Taħt il-lenti blogs pubblikati f’Marzu li għadda

Il-mument illum qed tiżvela li fil-kors tal-investigazzjonijiet tagħha l-Pulizija Maltija bl-għajnuna ta’ dik Amerikana u Olandiża, qed titfa’ attenzjoni partikulari lejn ċerti blogs u kitbiet publikati mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-bidu ta’ Marzu li għadda u sussegwentement, b’rabta magħhom, fil-ġimgħat ta’ wara.

Sorsi qrib l-investigazzjoni tal-Pulizija qalu lil il-mument li jekk hemm mijiet ta’ blogs miktuba minn Daphne Caruana Galizia, madankollu hemm ċerti kitbiet li kienu qawwija ħafna u saħansitra fihom esprimiet it-tħassib tagħha dwar kemm kienu perikolużi għall-ħajjitha ċerti nies.

F’dawn il-blogs partikulari hi titkellem dwar nies involuti f’ċerti setturi tal-ħajja u tiżvela dwarhom diversi affarijiet importanti sal-punt li tistqarr li f’kommunikazzjoni li hi kellha magħhom huma mhux biss ma ħadux gost bil-kitbiet tagħha, talli heddewha serjament u hi ħadet dan it-theddid bl-aktar mod serju.

Mhux magħruf jekk dwar dan it-theddid partikulari li rċeviet minn persuni partikulari kenitx għamlet xi rapporti lill-Pulizija, iżda li hu magħruf żgur hu li fil-konfront tal-persuni li semmiet hemm mhux biss Maltin u Għawdxin, imma saħansitra wkoll persuni barranin.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument bil-patt tal-kunfidenzjalità qalulna li l-Pulizija applikat grupp ta’ persuni fi ħdanha biex janalizzaw fid-dettall ħafna l-blogs kollha li kitbet Daphne Caruana Galizia. Mhux neċessarjament blogs reċenti biss, imma saħansitra blogs li jmorru lura għal numru ta’ xhur. L-impenn ta’ dawk li qed janalizzaw dawn il-kitbiet hu li bl-aktar mod metikoluż u b’reqqa kbira jfittxu għal theddid li dwarhom kitbet Daphne Caruana Galizia, u anki jaqraw bejn il-linji dwar x’messaġġi kienet qed twassal.

Grazzi għal mezzi xjentifiċi u teknoloġiċi avvanzati li jista’ jkollha għd-dispożizzjoni tagħha l-Pulizija Maltija bl-għajnuna ta’ mezzi internazzjonali mill-aktar avvanzati, l-invetigaturi jistgħu jiksbu aktar informazzjoni u ħjiel konkret dwar l-istorja tal-bomba sploduta nhar it-Tnejn li għadda taħt il-karozza tal-kiri bajda Peugeot 108 li minnha l-bomba rnexxielha tagħmel ħerba totali filwaqt li qatlet lis-sewwieqa hekk kif kienet għadha kemm ħarġet minn darha.

L-investigaturi jafu tajjeb li l-proċess biex saret din il-bomba qawwija kien mifrux fuq għadd ta’ ġimgħat, jekk mhux xhur u li involuti direttament jew indirettament fiha hemm numru ta’ persuni. Fl-aħħar sigħat kien hemm mewġa ta’ ħsieb favur li din il-bomba kienet saħansitra immanifatturata f’pajjiżna stess minn elementi lokali li skont il-Pulizija kapaċi jagħmlu bombi ta’ dan it-tip. Madankollu żgur li apparti mill-persuna jew tnejn li ħadmu direttament fuq din il-bomba, hemm il-mandant jew mandanti li oriġinaw il-ħsieb li ssir din il-bomba qawwija u li ttajjar lil Daphne Caruana Galizia akkost ta’ kollox.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument komplew jgħidu li l-materjal li bih kienet manifatturata l-bomba seta’ nġieb apposta minn barra. “Illum minn barra jidħol kollox. Aktar milli bl-ajru mal-merkanzija u bil-baħar u fil-verità l-kontroll ta’ x’jidħol hu relattivament ristrett ħafna.”

Żgur li min ta l-ordni li tinħadem din il-bomba ried li din tissodisfalu l-istint barbaru u faħxi tiegħu li mill-vittma jagħmel show kbir u dan irnexxielu meta l-bomba spiċċat biex qerdet lil Daphne Caruana Galizia f’mijiet ta’ biċċiet.

Imbagħad jifdal il-persuna jew persuni mqabbda biex fiżikament iwaħħlu l-bomba mal-qiegħ tal-karozza li kienet qed issuq Daphne Caruana Galizia. Żgur li dawn kienu qed isegwuha mill-qrib. Forsi wkoll għal bosta jiem sakemm sabu x-xoqqa f’moxtha li l-karozza ma kenitx ipparkjata fiż-żona mill-bieb ‘il ġewwa tar-residenza tal-familja Caruana Galizia, iżda fi speċi ta’ sqaq biswit l-istess residenza.

Dan kollu hu spjegat bil-fatt li darba kmieni waranofsinhar Daphne Caruana Galizia daħlet id-dar, kienet taf li kellha terġa’ toħroġ għal xi qadi ieħor fi ftit tal-ħin wara. Dan wassalha biex ipparkjat il-karozza tagħha fl-ispeċi ta’ sqaq u ma daħħlithiex ġewwa d-dar.

Dan kollu juru li min kien warajha kien qiegħed jistudjaha sew u proprju f’dawn il-mumenti sab il-ħin adatt biex waqt li Daphne Caruana Galizia kienet ġewwa darha forsi qed tiekol xi ħaġa wkoll, sakemm ħarġet tpoġġietilha l-bomba presumibbilment imwaħħla b’kalamita mal-qiegħ tal-karozza.

Il-probabbiltà l-kbira l-oħra hi li min għamel din il-biċċa xogħol – persuna jew tnejn – qagħad ‘il bogħod mill-karozza sal-punt li meta Daphne Caruana Galizia reġgħet ħarġet minn darha ftit sekondi qabel it-3 p.m., allura ipprepara kollox biex seta’ jattiva l-bomba qerrieda.

Dan kollu daħal fis-seħħ meta Daphne Caruana Galizia irriversjat il-karozza tagħha u bdiet issuq fi Triq il-Bidnija fid-direzzjoni tal-Mosta biex tmur fid-destinazzjoni li kellha f’moħħha. Kien proprju f’dan il-mument – meta l-karozza issa kienet ftit għexieren lil hinn minn darha – li kienet attività l-bomba, probabbilment b’ċellulari, li ma ta l-ebda ċans lill-vittma toħroġ mill-karozza.

Persuna li kien fil-viċinanzi u li ra kollox jistqarr li b’kollox seħħew tlett splużjonijiet fi spazju ta’ ftit sekondi biss ‘il bogħod minn xulxin. L-ewwel splużjoni relattivament żgħira li wasslet biex minn taħt il-karozza ħareġ ammont ta’ trab abjad u griż u ttajru partijiet mill-karozza. Waqt li l-karozza qabdet ċertu direzzjoni lejn wieħed mill-ħitan tas-sejjieħ saret it-tieni splużjoni – dik verament qawwija u agressiva – u l-karozza spiċċat balla nirien jaqdu u litteralment mormija f’għalqa lil hinn sew mit-triq. Darba dak li kien fadal mill-karozza straħ fuq il-ħamrija seħħet it-tielet splużjoni.

Daphne Caruana Galizia mietet fiċ-ċert mat-tieni splużjoni fatali u ħadd mill-persuni li setgħu kienu fil-post, inkluż binha Matthew Caruana Galizia, ma setgħu jagħtu xi tip ta’ għajnuna biex l-omm tkun salvatha.

L-investigaturi jafu tajjeb li x-xogħol bejn il-mandant, min fiżikament ħadem il-bomba u min poġġiha taħt il-karozza ħadmu f’sinerġija kbira u assiguraw li warajhom ma jħallu l-ebda traċċi. Assiguraw ukoll li jevitaw l-iżbalji u l-Pulizija huma tal-fehma wkoll li l-post fejn inħadmet din il-bomba żgur li tnaddaf appena x-xogħol kien komplut biex hekk ma tinstab l-ebda traċċa ta’ porvli jew materjal ieħor kemm-il darba l-Pulizija tagħmel it-tfittix tagħha.

Min-naħa l-oħra s-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li huma konvinti ħafna li f’xi waqt jew ieħor żgur li hemm xi ħaġa li tista’ tgħin lill-investigaturi jaslu biex ikollhom aktar ħjiel dwar min hu l-mandant u min ħadem il-bomba. Naturalment ma hux xogħol li jista’ jsir f’temp ta’ ftit jiem u nifhmu li hawnhekk diġà ddaħħal is-Servizz Sigriet Malti (MSS) li qed jagħti s-servizz ta’ intelligence tiegħu biex hekk jikkontribwixxi f’dawn l-investigazzjonijiet intensivi.

Wara lix-xena tad-delitt damet intatta għal bosta sigħat bil-fdalijiet kollha tħallew fejn waqgħu għal numru ta’ ġranet, issa l-investigazzjonijiet qed jikkonċentraw mil-laboratorji forensiċi u xjentifiċi għad-dispożizzjoni tal-Pulizija Maltija u l-kollaboraturi barranin.

Naturalment bħalissa qed tkompli tinġabar lista ta’ persuni li b’xi mod jew ieħor jistgħu jgħinu fl-istħarriġ għalkemm il-mottiv jidher ċar li hu wieħed ta’ tpattija agressiva għal ċerti blogs li kitbet Daphne Caruana Galizia.

Madankollu Daphne Caruana Galizia tant kitbet kontra persuni u ċrieki ta’ nies li ma hux faċli għall-Pulizija li ssib it-truf malajr, għalkemm fl-aħħar sigħat l-investigazzjonijiet bdew jiffukaw fuq ċerti nies li dwarhom bdiet tikteb Daphne Caruana Galiza mill-bidu ta’ Marzu li għadda.

Simultanjament għax-xogħol tal-Pulizija qed tissokta wkoll b’ritmu qawwi l-Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Anthony Vella li diġà semgħet lil għadd ta’ persuni li b’xi mod jew ieħor jistgħu jgħinu f’dan il-każ diffiċli.

L-ewwel ħmistax-il siegħa mid-delitt f’dan ir-rigward inħarqu u nħlew bl-aktar mod kapriċċjuż wara li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li nzertat hi bħala l-Maġistrat tal-Għassa, baqgħet tistenna sal-għada filgħodu biex irrikużat lilha nnifsiha minn din l-Inkjesta Maġisterjali. Il-Prim Ministru Joseph Muscat stess f’intervista ma’ stazzjon internazzjonali stqarr li l-Gvern bagħat ‘signal’ f’dan is-sens ħalli l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera tirrekuża lilha nnifisha minn dan il-każ.

Dan kollu meta s-sens komun kien jgħid li l-istess Maġistrat – li kemm-il darba kienet fil-mira tal-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia – messha ħaslet idha mill-Inkjesta Maġisterjali minnufih biex hekk ma jinħeliex żmien mill-aktar prezzjuż.