Formula 1 Sport

Lewis Hamilton jirbaħ ukoll fl-Istati Uniti

Lewis Hamilton jiċċelebra mal-partitarji tiegħu wara r-rebħa (Ritratt: EPA)

Is-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton kompla jersaq lejn ir-rebħ tar-raba’ kampjonat tas-sewwieqa wara rebħa tajba fil-Grand Prix tal-Istati Uniti qabel Sebastian Vettel. Bi tliet tiġrijiet għal tmiem il-kampjonat u b’massimu ta’ 75 punt li fadal għad-dispożizzjoni, Hamilton jinsab 66 punt qabel l-eqreb rivali Vettel, li spiċċa fit-tieni post.

Il-ħames post fil-Grand Prix li jmiss tal-Messiku jkun biżżejjed għal Hamilton biex isir biss il-ħames sewwieqa fl-istorja tal-Formula 1 li jirbaħ ir-raba’ kampjonat mondjali. Ir-riżultat ta’ din il-Grand Prix, ikkonferma wkoll ir-raba’ suċċess konsekuttiv għal Mercedes fil-kampjonat tal-kostrutturi.

Hamilton iċċelebra r-rebħa tiegħu fil-podju mal-aktar persuna veloċi fid-dinja Usain Bolt. “Sa issa kienet sena inkredibbli. Ma kontx qed nistenna li se jkolli r-ritmu li kelli fuq Sebastian imma ħassejt il-karozza fantastika,” qal Hamilton.

Vettel irnexxielu jaqbeż lil Hamilton fl-ewwel kantuniera u żamm l-ewwel post sas-sitt dawra, b’Hamilton juri s-superjorità tal-karozza b’mossa tajba. Minkejja li kiseb vantaġġ tajjeb fuq Vettel, Ferrari qatgħu kważi d-distakk kollu wara l-ewwel rawnd ta’ pit-stops b’Hamilton jgħaddi ftit qabel. Minn dak il-ħin li kienet l-20 dawra, Hamilton ma kellux problemi fejn ikkontrolla tajjeb u spiċċaw biex rebaħ b’distakk ta’ 10 sekondi.

It-tiġrija ta’ Vettel kien fadlilha aktar drama iżda, b’Max Verstappen tar-Red Bull jirnexxielu jkun veloċi biżżejjed biex il-Ġermaniż jagħmel it-tieni waqfa meta t-tyres bdew jisħnu żżejjed. B’tyres friski, Vettel irnexxielu jaqbeż lil Valtteri Bottas f’manuvra mill-aqwa b’ħames dawriet għat-tmiem, filwaqt li Kimi Raikkonen ħalla lill-Ġermaniż jgħaddi.

Raikkonen imbagħad kellu jiddefendi l-pressjoni ħarxa ta’ Max Verstappen fl-aħħar dawra u deher li ċaħħad lill-Finlandiż mill-podju b’mossa brillanti li fiha ħa riskju wkoll madwar tliet kantunieri lejn it-tmiem.

Iżda Verstappen li beda mis-16-il post, iċċelebra kmieni wisq hekk kif meta kien qed jitkellem ma’ Hamilton u Vettel fil-kamra ta’ ġewwa, l-istewards ħabbru li taw penalità ta’ ħames sekondi lill-Olandiż talli ħa vantaġġ meta ħareġ ftit miċ-ċirkwit. Red Bull kienu rrabjati għal din id-deċiżjoni, b’Verstappen bilkemm iħares lejn Raikkonen hekk kif il-Finlandiż kien qed ikellem lil Vettel.

Tiġrija oħra negattiva għal Fernando Alonso. Wara li kien irnexxielu jdaħħal il-karozza fiż-żona tal-punti, l-Ispanjol kellu problema fil-magna meta kien fis-seba’ post. L-istess destin kellu l-Awstraljan Daniel Ricciardo li kellu jirtira fis-16-il dawra minħabba problema fil-magna wara li kien għaddej tajjeb fejn fosthom kellu dwell sabiħ ma’ Valtteri Bottas.

Klassifika tas-sewwieqa

1. Lewis Hamilton         306 punti

2. Sebastian Vettel        247 punt

3. Valtteri Bottas           234 punt

4. Daniel Ricciardo        192 punt

5. Kimi Räikkönen         148 punt

6. Max Verstappen         111-il punt