Marc Marquez kiseb is-sitt rebħa tiegħu din is-sena wara li spiċċa fuq quddiem f’Philip Island fl-Awstralja f’tiġrija eċċitanti b’diversi sewwieqa jkollhom ċans li jirbħu. B’din ir-rebħa, l-Ispanjol tal-Honda jinsab 33 punt vantaġġ fuq Andrea Dovizioso fil-klassifika ġenerali, wara li t-Taljan spiċċa barra ċ-ċirkwit u kellu jikkuntenta bit-13-il post.
Valentino Rossi tal-Yamaha kiseb it-tieni post wara li rebaħ taqtigħa bejn tliet sewwieqa, b’sieħbu Maverick Vinales jikseb l-aħħar post fuq il-podju. Iżda b’dan ir-riżultat, Vinales inqata’ mit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat hekk kif jinsab 50 punt taħt Marquez, b’żewġ tiġrijiet għat-tmiem.
Marquez beda tajjeb iżda ma żammx postu, b’Jack Miller jitla’ fil-quċċata u jibda’ jinqata’ ftit. Vinales kien fit-tielet post fl-ewwel dawra li fiha Dovizioso spiċċa niżel fl-20 post.
It-tiġrija żvolġiet f’waħda interessanti hekk kif seba’ muturi bdew jagħlqu d-distakk minn ma’ Miller. Marquez, Vinales, Rossi, Iannone u Zarco bdew jissieltu għall-ogħla postijiet. Dawn il-ħames sewwieqa ddistingwew ruħhom b’serje ta’ movimenti.
B’ħames dawriet lejn it-tmiem, iċ-champion renjanti beda jibni distakk żgħir, b’Rossi, Vinales u Zarco jissieltu warajh biex jiksbu post fuq il-podju. Marquez spiċċa rebbieħ b’distakk minimu, b’Rossi jirbaħ id-dwell għat-tieni post segwit minn Vinales. Wara Zarco, daħal Crutchlow segwit minn Miller, Rins, Espargaro u Smith li għaqdu l-ewwel għaxra.
It-tiġrija li jmiss tkun il-ġimgħa d-dieħla f’Sepang.
//= $special ?>