Sport Sport Ieħor

Maxi Ramble 88 ta’ George David fuq quddiem

Maxi Rambler 88 ta' George David jinsab fuq quddiem (Ritratt: Rolex/Kurt Arrigo)

Il-jott Amerikan Maxi Rambler 88 ta’ George David, iddomina l-ewwel 24 siegħa tat-38 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race biex bena vantaġġ tajjeb fuq ir-rivali tiegħu. Rambler wasal ħdejn Stromboli kmieni wara nofsinhar, bil-maġġoranza tal-flotta kienet għadha trid tgħaddi mill-Istrett ta’ Messina. Fis-sigħat bikrin tat-Tnejn kien mistenni li jiżdied ir-riħ mill-majjistral u dan il-fattur jista’ jilgħab parti importanti fir-riżultat.

Sa tmiem l-ewwel lejl, il-flotta kienet għaddiet Capo Passero lejn il-Lbiċ ta’ Sqallija. F’dak l-istadju, il-leader overall taħt l-IRC kien Maxi72 Momo ta’ Dieter Schon. TP52 Feccia Rossa ta’ Vadim Yakimenko kien fuq quddiem tal-IRC 2, Ker 46 Tonnerre de Glen ta’ Eric Daher kien fuq quddiem tal-IRC 3, Solaris 42 Unica tal-Malti Jamie Sammut kien l-ewwel fl-IRC 5 u JPK 1080 Bogatyr ta’ Igor Rytov kien l-ewwel fl-IRC 6. Il-klassifiki se jinbidlu hekk kif il-jottijiet joħorġu mill-Istrett ta’ Messina.

Il-maġġoranza tal-flotta kienet mistennija tgħaddi mill-Istrett sal-Ħaddfilgħaxija. Matul il-lejl suppost li kellhom perjodu ftit diffiċli lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Sqallija. B’erbgħin knots ta’ riħ u l-istat tal-baħar, hu mistenni li jimbotta l-jottijiet lejn Lampedusa fi triqthom lura lejn pajjiżna.

104 jottijiet bdew ir-Rolex Middle Sea Race u sa issa kienu sitta li rtiraw. Dawn huma Proteus (Stati Uniti, Hispaniola (Litwanja, Jings! (Gran Britannja), Vamos Adelante (Italja), Wind (Russja) u Xpresso (Malta). Il-crew kollu jinsab f’kundizzjoni tajba.