Lokali Qtil Politiku

“Nitolbu garanzija li l-investigazzjonijiet ikunu indipendenti” – Christoph Deloire, Reporters Without Borders

“Nitolbu l-garanziji kollha li l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkunu indipendenti”.

Qal dan Christoph Deloire mill-għaqda ‘Reporters Without Borders’ meta kien qed jindirizza l-protesta nazzjonali ‘Ġustizzja’.

Christoph Deloire qal li f’dan il-mument, id-dinja kollha qed tħares lejn Malta, tliet snin wara li d-dinja ħarset lejn l-avvenimenti f’Pariġi meta seħħ l-attakk terroristiku fuq Charlie Hebdo.

“Illum inġbarna għal Daphne, u llum kulħadd jista’ jgħid: “Jiena Daphne!” qal Christoph Deloire quddiem l-eluf li nġabru l-Belt Valletta.

Meta kien qed jitkellem dwar il-karattru ta’ Daphne Caruana Galizia, Christoph Deloire qal li Daphne se tibqa’ għal dejjem parti minn familja ta’ ġurnalisti investigattivi li qatt ma qatgħu qalbhom.

Christoph Deloirs qal li ma fadalx iktar żmien u li l-impunità ma tista’ qatt tkun aċċettata. Temm jifraħ lill-eluf li ngħaqdu kontra l-korruzzjoni waqt li appella li toħroġ il-verità kollha dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Il-qattiela ddeċidew li jsikktuha… imma mhux se jirnexxielhom isikktu l-ispirtu tagħha,” temm jgħid Christoph Deloires.