Lokali Qtil Politiku

“Qed ngħixu fi kriżi…Irridu ġustizzja” – Michael Briguglio

“Jeħtieġ li nżommu l-memorja ta’ Daphne ħajja billi ma nċedux għal dawk li qed jipperikolaw id-demokrazija. Jeħtieġ li nibqgħu attivi għall-ġustizzja.”

Kien b’dan il-mod li temm id-diskors tiegħu Michael Briguglio, wieħed mill-kelliema waqt il-protesta nazzjonali fil-Belt Valletta, meta f’isem is-soċjetà ċivili sejjaħ lill-Prim Ministru biex ineħħi lill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

“Kif għadhom hemm? X’qed jistenna l-Prim Ministru biex ineħħihom? L-istess Prim Ministru li qed jinjora lill-Prim Imħallef. L-istess Prim Ministru li m’għamel xejn dwar il-Panama Papers,” qal Michael Briguglio.

“Aħna nitolbu r-riżenja minnufih tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat tal-Gvern. Kummissarju ġdid u Avukat Ġenerali ġdid għandhom jiġu appuntati b’approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Mhux minn xi Ministru, iżda b’żewġ terzi tal-Parlament. Dan ikun xempju ta’ ġustizzja,” żied jgħid.

Michael Briguglio qal li qed ngħixu fi kriżi kostituzzjonali, fejn il-pajjiż huwa maħkum minn kriminalità u bullies li jridu jagħmlu li jridu, u żied li s-soċjetà ċivili mhux se tieqaf jekk il-Prim Ministru ma jilqax it-talbiet li qed isiru.

“X’libert hi jekk issib bomba meta titkellem? X’libertà hi jekk iċ-ċittadin jgħix fil-biża’? Kif ħallejna l-kriminalità organizzata tikber? Kif ħallejna kollox jgħaddi?” staqsa Michael Briguglio waqt li fisser kif bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia inqabeż kull limitu, b’Michael Briguglio jistaqsi kemm se jmutu nies wara Daphne sakemm jinbidlu l-affarijiet.

Michael Briguglio għamel ukoll appell lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca biex tuża l-awtorità tagħha biex pajjiżna joħroġ minn din il-kriżi.