Tottenham laħqu lil Manchester United fit-tieni post, wara li għelbu b’faċilità lil Liverpool 4-1 f’Wembley Stadium. Harry Kane fetaħ l-iskor wara’ erba’ minuti meta antiċipa lil Mignolet u skorja f’lasta vojta. L-iskor sar 2-0 fil-11-il minuta b’Kane iservi lil Heung Min Son li skorja b’xutt fil-baxx.
Liverpool naqsu d-distakk fl-24 minuta, b’Mohamed Salah jidħol bejn id-difensuri ta’ Tottenham u jegħleb lil Hugo Lloris b’xutt bil-lemin. Iżda qabel tmiem l-ewwel taqsima, Tottenham għamlu l-iskor 3-1. Kien nuqqas fid-difiża ta’ Liverpool li ppermetta lil Dele Alli li minn qagħda ideali jegħleb lil Mignolet. Tottenham komplew ikabbru l-iskor għaxar minuti fit-tieni taqsima, b’gowl ieħor mill-kaxxa ta’ Harry Kane.
Arsenal komplew ikabbru l-problemi ta’ Everton meta rebħu 5-2 f’Goodison Park. Kien Wayne Rooney li fetaħ l-iskor fit-13-il minuta b’xutt minn barra l-kaxxa għar-rokna.
Arsenal ġabu d-draw fl-40 minuta b’gowl mir-rebawnd ta’ Nacho Monreal, biex fil-bidu tat-tieni taqsima, Mesut Ozil poġġa lil Arsenal fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras. Alexandre Lacazette għamilhom 3-1 fit-73 minuta meta tħalla żmarkat, biex Aaron Ramsey skorja r-raba’ gowl fid-90 minuta b’xutt fil-baxx.
Baye Niasse naqqas id-distakk fit-93 minuta wara li ħa vantaġġ minn żball difensiv, iżda Arsenal reġgħu skorjaw ftit wara b’azzjoni personali ta’ Alexis Sanchez.