Lokali Qtil Politiku

Sogru li ma jinqabadx il-qattiel jekk tingħata l-informazzjoni – Muscat

“Inkunu qed nissugraw li l-ħati ma jinqabadx jekk nagħtu l-informazzjoni dwar il-każ.” Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed jitkellem f’intervista fuq ONE Radio dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Jien nifhem li l-mezzi tax-xandir u fil-pajjiż hawn għatx biex wieħed ikun jaf fhiex waslu l-affarijiet, u hemm bilanċ fin ħafna x’wieħed jagħmel bejn li jagħti l-informazzjoni, u li jara li dik l-informazzjoni ma tfixkilx l-għan aħħari… għax l-għan aħħari mhuwiex li taqta’ l-għatx għall-informazzjoni, imma li ssib min hu ħati,” qal il-Prim Ministru.

Joseph Muscat kien qed jitkellem b’risposta għal mistoqsija dwar jekk għandux informazzjoni ġdida dwar dan il-każ, bil-Prim Ministru jgħid li jkun irresponsabbli jekk jagħti l-informazzjoni.

“Anke li kieku għandi brief dwar dak li qed jiġri, naħseb inkun irresponsabbli li niġi hawnekk u mmur ngħid “Iva l-Pulizija qegħdin isegwu dan it-tarf u dan it-tarf l-ieħor, u qegħdin jaħsbu li kienu dawn il-persuni li għamluha.” Naħseb inkun qiegħed nagħmel disservizz lill-investigazzjonijiet stess,” qal fl-intervista.

Il-pożizzjoni tal-Prim Ministru li ma jagħtix informazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa konsistenti mal-konferenza tal-aħbarijiet, deskritta bħala diżastruża, mogħtija mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar nhar il-Ħamis. Fiha, il-ġurnalisti kienu ssejjħu biex jingħataw l-informazzjoni, iżda sa tmiem il-konferenza, ma kien intqal xejn ġdid.

Sadanittant, fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, il-Prim Ministru qal li f’Malta għad hawn l-esperti barranin li qed isegwu numru ta’ options differenti, u m’eskludiex li jinġiebu aktar barranin jekk jinħass il-bżonn.