Lokali

Surġent iweġġa’ gravi wara daqqa ta’ ponn minn raġel ‘ostili’

Surġent tal-Pulizija weġġa’ meta ngħata daqqa ta’ ponn minn raġel li ma bediex jobdi l-ordinijiet tal-Pulizija.

L-inċident seħħ kmieni l-Ħadd filgħodu, għall-ħabta tas-siegħa, meta l-Pulizija li kienet fuq ir-ronda tas-soltu, ġiet mitluba biex tassisti fi stabbiliment fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan.

Il-Pulizija marret fl-istabbiliment ta’ divertiment u minn stħarriġ preliminari rriżulta li persuna ta’ nazzjonalità barranija kienet qiegħda tkun ostili lejn persuni oħra li kienu fl-istess post. Ir-raġel ma’obdiex l-ordnijiet mgħotija lilu mill-Uffiċjali tal-Pulizija u kien f’dan il-ħin li ta daqqa ta’ ponn lis-Surġent tal-Pulizija.

Il-Pulizija arrestat lir-raġel u ttieħed fl-Għassa ta’ San Ġiljan għal aktar stħarriġ, filwaqt li s-Surġent ittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.