Lokali Qtil Politiku

“It-terrur se nrodduh lura… sakemm nieħdu lil pajjiżna lura mill-jasar tal-ħażen” – Manwel Delia

“It-terrur ta’ min qatel lil Daphne Caruana Galizia se nrodduh lura b’mitt darba, u se nħarsu f’għajnejhom sakemm joqtluna jew nieħdu lura lil pajjiżna mill-jasar tal-ħażen.”

Kien b’dan il-mod li l-opinjonista Manwel Delia temm l-indirizz tiegħu lill-eluf li attendew il-protesta nazzjonali.

Manwel Delia fisser kif Daphne Caruana Galizia ma nqatlitx għax gidbet jew għax ħa għalih xi ħadd b’xi ħaġa li qatlu, iżda għax weħidha kixfet il-marda li nawret lil dan il-pajjiż fejn issaltan ir-rgħiba, u fejn il-ġnien tas-sewwa nħaraq biex minfloku nbena torri tal-kilba tal-flus akkost ta’ kollox.

“Kienet iffaċċjata mid-disperazzjoni kważi kull jum tal-karriera tagħha, iżda qatt ma ħalliet id-disperazzjoni tgħaffiġha u ssikitha,” qal Manwel Delia waqt li fisser kif għas-sagrifiċċju tagħha tħallset lura biż-żebliegħ, bit-tgħajjir u fl-aħħar, bil-premju kiefer ta’ mewta barra ħinha.

“Imma Daphne kienet motivata minn sens ħafna ogħla mid-disperazzjoni, għax kienet motivata mid-dmir lejn is-soċjetà,” spjega Manwel Delia waqt li fisser kif fix-xogħol tagħha kienet motivata mit-tama li xi darba s-soċjetà tirrealizza x’qed jiġrilha, u li dan il-pajjiż qed jinħakem minn kolonjalisti ġodda, jew kriminali li jużaw lil Malta biex jaħslu l-flus imċappsa bid-demm tal-vittmi tagħhom.

Meta rrefera għall-familja tagħha, Manwel Delia qal li ċċirkondati bl-egoiżmu ta’ madwarna, il-familja Caruana Galizia qed tkompli turi l-akbar forma ta’ altruwiżmu, fejn tinsab determinata li tkompli x-xogħol ta’ ommhom Daphne għall-ġid ta’ min illum qed jinsisti li Daphne Caruana Galizia ġabet mewtha b’idejha.

“Daphne ħallitilna missjoni… missjoni li nsalvaw lil pajjiżna. Mhux billi nivvutaw jew nipprotestaw, iżda billi nsalvaw din l-art għal uliedna billi nikxfu lil min irid jaħbilna u nwaqqfu lil min qed jisraq lill-pajjiżna minn ħalq uliedna,” temm jgħid Manwel Delia.