Futbol Sport

Futbol – Mbappe magħżul bħala l-aqwa plejer żagħżugħ fl-Ewropa

Kylian Mbappe

L-eksplejer ta’ Monaco u dak ta’ PSG Kylian Mbappe ġie ivvutat bħala l-aqwa plejer żagħżugħ fl-Ewropa. Dan l-unur jingħata mill-gazzetta Taljana Tuttosport u jkunu l-ġurnalisti li jagħżlu l-aqwa plejer Ewropew li għandu inqas minn 21 sena.

Mbappe kellu staġun mill-aqwa ma’ Monaco u għenhom jirbħu l-kampjonat u matul is-sajf li għadda ingħaqad ma’ PSG. Dan l-istaġun il-plejer ta’ 18-il sena diġa’ sab ix-xibka erba’ darbiet ma’ PSG.

Mbappe ġab total ta’ 291 vot biex għeleb l-isfida ta’ Ousmane Dembele, eksplejer ta’ Borussia Dortmund li bħalissa qed jilgħab ma’ Barcelona li minn naħa tiegħu ġab 149 voti.

Fit-tielet post spiċċa l-attakkant ta’ Manchester Utd Marcus Rashford li b’76 vot spiċċa quddiem il-plejer ta’ Manchester City Gabriel Jesus li ġab 72.

Il-gowlkiper ta’ Milan Donnarumma temm fil-ħames post u ta’ min jinnota li l-eksplejer ta’ Bayern Munich Renato Sanches lanqas biss għamilha mal-ewwel 10. Hu kellu staġun mill-aktar diżappuntanti u ngħaqad ma’ Swansea b’self.

Sena qabel Sanches kellu staġun mill-aqwa fejn rebaħ il-Kampjonat Ewropew mal-Portugall.